Futbol Sport

Enrico Piccioni ma għadux kowċ ta’ Mosta

Mario Muscat eqreb li jsir kowċ ta' Qormi

Mosta saru r-raba’ tim mill-Kampjonat Premier li bidel il-kowċ tiegħu mill-bidu tal-istaġun, hekk kif laħqu ftehim ma’ Enrico Piccioni biex ma jibqax il-kowċ tal-klabb minħabba raġunijiet personali. Johann Cilia nħatar kowċ temporanju tat-tim.

Piccioni kien ingħaqad ma’ Mosta dan is-sajf wara li bejn l-2013 u l-2014 kien kowċ tat-tim. Hu kien inħatar Direttur Tekniku fis-sajf ta’ ħames snin ilu u f’Diċembru kien ħa post Danilo Doncic bħala kowċ fejn assigura lit-tim Mosti li jagħmilha fiċ-Championship Pool.

Mosta kellhom bidu pożittiv fl-istaġun 2014/2015 b’erba’ rebħiet minn ħames logħbiet, iżda tneħħa mill-kariga wara ħames telfiet konsekuttivi.

Picioni ħalla lil Mosta fit-tielet post mill-aħħar fil-kampjonat b’seba’ punti minn għaxar logħbiet u tliet punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni. Fl-aħħar tliet logħbiet ma skorjawx u sofrew għaxar gowls filwaqt li kisbu punt biss mill-aħħar seba’ logħbiet.

L-ewwel logħba fil-kampjonat li Mosta jmisshom hu kontra Birkirkara fl-24 ta’ Novembru.

Mario Muscat eqreb li jsir kowċ ta’ Qormi

L-eks gowlkiper internazzjonali Malti Mario Muscat kompla jersaq viċin li jinħatar uffiċjalment kowċ ta’ Qormi, hekk kif ilbieraħ fuq facebook ħabbar li laħaq ftehim biex jinħall mill-kuntratt li għandu ma’ Hibernians bħala kowċ tal-gowlkipers.

Hu qal li jħoss li wasal iż-żmien biex jieħu pass ieħor fil-karriera tiegħu ta’ kowċ u rringrazzja lil dawk kollha li ħadem kif ukoll il-partitarji. Fl-aħħar messaġġ tiegħu, Muscat qal li “ninsab ċert li fil-futur se jkollna l-opportunità li naħdmu flimkien.”

Muscat hu mistenni li jiffirma kuntratt ta’ tliet snin mal-Qriema, bl-ewwel konfront tagħhom se jkun proprju kontra Hibernians. Qormi bħalissa jinsabu f’qiegħ il-klassifika b’erba’ punti daqs Senglea Athletic u ġejjin minn seba’ telfiet konsekuttivi.