Lokali

FILMAT: Adrian Delia jsellem lill-memorja ta’ Sir Ugo Mifsud

Iqiegħed kuruna fuq il-qabar tal-Eks-Prim Ministru Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, sellem ‘il-memorja tal-iżgħar Prim Ministru Malti taħt l-Imperu Brittaniku, Sir Ugo Mifsud, bi tqegħid ta’ kuruna fuq il-qabar tiegħu fiċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija.

Huwa twieled il-Belt Valletta fl-1889 u ġie elett Prim Ministru ta’ Malta fl-1924, fl-età ta’ 38 sena, f’isem l-Unione Popolare Maltese.

Bl-għaqda tal-partit tiegħu mal-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Nerik Mizzi sentejn wara, Sir Ugo Mifsud mexxa l-Partit Nazzjonalista ma’ Nerik Mizzi. Huwa reġa’ ġie elett Prim Ministru ta’ Malta fl-1932 sakemm l-imperu Brittaniku sena wara rtira l-Kostituzzjoni tal-1921.

Huwa miet fl-1942 wara li sofra attakk tal-qalb waqt diskors jaħraq fil-Parlament dwar l-intenzjoni tal-Gvern Brittaniku li jiddeporta bosta Maltin lejn l-Uganda.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħal Lija, Magda Magri Naudi, il-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Ħal Lija, Antoinette Vella, u s-Segretarja tal-Kumitat Sezzjonali, Carmen Zammit.