Ekonomija Lokali

FILMAT: Azzjonijiet Industrijali fid-Dipartiment tal-VAT

Il-Ministeru tal-Finanzi ilu sentejn jinnegozzja ftehim settorjali

Il-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment tal-VAT ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħa u nofs  b’azzjonijiet industrijali msejjħa mit-Taqsima Ħaddiema tal-Gvern, fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, azzjonijiet li mistennija jeskalaw il-ġimgħa ddieħla.

Dan wara li l-Gvern ilu għal dawn l-aħħar sentejn ikaxkar saqajh b’serje ta’ laqgħat inkonklussivi mmexxija minn Joe Caruana, s-Segretarju Permanenti tal-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, sabiex jintlaħaq ftehim settorjali ġdid u jiġu riżolti xi kwistjonijiet pendenti. B’hekk, it-taħdidiet ma wasslu għal ebda riżultat tanġibbli.

L-għan tal-azzjonijiet ordnati  huma biex it-Taqsima turi d-diżappunt kbir tagħha għall-mod kif qed jiġu trattati n-negozjati fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment.

Il-ħaddiema milquta minn dawn l-azzjonijiet huma dawk li jaħdmu fit-Tax Compliance Unit(TCU), l-accountants, revenue officers u l-ispetturi tal-VAT. Kelliem għall-unjin qalilna li dawn il-ħaddiema ngħataw diversi direttivi fosthom li ma jsir ebda tip ta’ kommunikazzjoni bħal emails, ittri, komunikati bil-mowbajl, bit-telefonija fissa, ma jintbagħtux faxes, ma jsirux komunikati bil-pagers, ma jsirux fotokopji, ma jsirux laqgħat mal-pubbliku kif ukoll  ma jsirx ipproċessar ta’ kontijiet u aġġustament ta’ stimi.

L-unika rispons li ta l-uffiċċjal tal-Ministru Scicluna għal dawn l-azzjonijiet industrijali kienet li tiġi msejjħa laqgħa konċiljatorja fl-20 ta’ Novembru li l-unjin qiegħda tirrifjuta hekk kif il-Gvern f’sentejn ma ppreżentax il-kontro-proposti tiegħu għall-proposti li l-UĦM ressqet. Hija qed tisħaq li l-Gvern iressaq dawn il-kontro-proposti biex tkun disponibbli għal-laqgħat.

Dan it-tnikkir kollu tal-Ministeru tal-Finanzi wassal biex jiġu milqut direttament b’mod negattiv l-operat tan-negozji hekk kif il-Hamis kien il-jum li fih titħallas il-VAT għal dan ix-xahar… u l-ħaddiema tad-dipartiment ma kinux disponibbli li jgħinu lil dawn l-ażjendi ghax kienu fuq strajk.