Lokali

Għaddew miljuni minn 17 Black

Mill-kont tal-kumpanija 17 Black għaddew miljuni ta’ flus u mhux biss iż-żewġ miljuni li kellhom imorru fil-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Fost l-oħrajn, f’dan il-kont hemm madwar seba’ miljun ewro oħra li għadu mhux magħruf għand min kellhom jaslu.

Hekk iddikjara Stephen Gray, il-Ġurnalist ta’ Reuters li flimkien ma’ The Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black hi ta’ Yorgen Fenech, Direttur tal-Konsorzju Electrogas responsabbli mill-Power Station il-ġdida.

Il-Ġurnalist internazzjonali staqsa x’sar mid-diversi miljuni oħrajn li kienu fil-kont… u min gawda minnhom. Dan hekk kif kien innutat trasferiment ta’ flejjes kbar li oriġinaw mill-Ażerbajġan. Iżda tenna li dwar dan, għad hemm ħafna aktar x’niskopru.

Stephen Gray spjega li dam madwar sitt xhur jaħdem kważi kontinwament biex jistabilixxi min hu s-sid ta’ 17 Black. Dan hekk kif, flimkien ma’ għadd ta’ Ġurnalisti internazzjonali oħrajn, ħass li għandu jagħmel dak kollu possibbli biex jitkompla x-xogħol li ħalliet pendenti Daphne Caruana Galizia.

Hu qal li l-ħidma tiegħu wasslitu għal żewġ sorsi li minnhom seta’ jinstab sid il-kumpanija: dak li ħareġ mill-Panama Papers, kif ukoll b’leakage ta’ emails li Nexia BT kienet bagħtet lill-FIAU.

Ikompli jispjega kif il-l-email kienet ċara u ssemmi żewġ kumpaniji: 17 Black u Mac Bridge. U ladarba ġie stabbilit isem is-sid ta’ 17 Black, hu stess bagħat għadd ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Konrad Mizzi, liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lil Yorgen Fenech.

Dwar Konrad Mizzi, il-Ġurnalist qal li wieġbu li ma jaf b’xejn, għalkemm fl-ebda ħin ma akkuża lil Nexia BT, li żeffnu ismu. Nexia BT hi mmexxija minn Brian Tonna u Karl Cini, b’Tonna nnifsu għandu uffiċċju f’Kastilja – ftit metri biss ‘il bogħod minn dak tal-Prim Minisru Joseph Muscat.

Min-naħa tiegħu, Keith Schembri kkonferma l-istorja żvelata minn Gray meta ammetta miegħu li l-kumpaniji jiffurmaw parti mill-pjan tan-negozju tiegħu. U Yorgen Fenech qagħad lura milli jwieġeb ħlief li m’għamel xejn ħażin, inkluż li lanqas għadda xi ħlas lil politikanti.