Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kienu tnejn mill-kelliema mistiedna biex jindirizzaw il-konferenza li ssir kull sentejn mill-Malta Institute of Accountants.
Fid-diskors tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvernijiet qed jonqsu milli jagħtu serħan tal-moħħ lill-kumpaniji, li bil-ħafna xogħol tagħhom qed jagħtu kontribuzzjonijiet, li t-taxxi tagħhom qed jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv.
Hu rrefera wkoll għas-sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha s-servizzi bankarji f’pajjiżna u qal il filwaqt li dawn l-istrutturi għandhom id-dmir li jirregolaw kull transazzjoni, il-gvern irid jaħdem biex joħloq ambjent ta’ fiduċja għal kumpaniji u investituri li jridu jaħdmu f’pajjiżna.
Adrian Delia nsista li Malta tista tkun verament fuq quddiem f’din l-evoluzzjoni fis-settur finanzjarju bl-iżviluppi fis-settur tat-teknoloġija fil-qasam finanzjaru.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkonkluda li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi ta’ importanza enormi. Reputazzjoni li fl-aħħar xhur għaddiet minn żmien iebes iżda li hu qal li mhux tard wisq biex tiġi salvatha.
Il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu iffoka fuq is-settur tal-Fintech u qal li hija ironika li l-professjoni tal-accountants mhix qegħda fuq quddiem f’dan il-pass rivoluzzjonarju fil-finanzi.
Hu qal li hekk kif id-dinja finanzjarja qed tiġi ddiġitalizzata, ħadd ma jaf eżatt fejn se jwassal dan. Joseph Muscat kompla jgħid li li hu żgur hu il-bżonn li jissaħħaħ ambjent fejn ir-risku hu limitat u rregolat. Hu qal li r-regolamentazzjoni twitti t-triq għall-innovazzjoni, u li barra r-riskji hemm ukoll l-opportunitatjiet.
//= $special ?>