Ekonomija Lokali

“Għadna fil-ħin biex insalvaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – Adrian Delia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kienu tnejn mill-kelliema mistiedna biex jindirizzaw il-konferenza li ssir kull sentejn mill-Malta Institute of Accountants.

Fid-diskors tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvernijiet qed jonqsu milli jagħtu serħan tal-moħħ lill-kumpaniji, li bil-ħafna xogħol tagħhom qed jagħtu kontribuzzjonijiet, li t-taxxi tagħhom qed jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv.

Hu rrefera wkoll għas-sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha s-servizzi bankarji f’pajjiżna u qal il filwaqt li dawn l-istrutturi għandhom id-dmir li jirregolaw kull transazzjoni,  il-gvern irid jaħdem biex joħloq ambjent ta’ fiduċja għal kumpaniji u investituri li jridu jaħdmu f’pajjiżna.

Adrian Delia nsista li Malta tista tkun verament fuq quddiem f’din l-evoluzzjoni fis-settur finanzjarju bl-iżviluppi fis-settur tat-teknoloġija fil-qasam finanzjaru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkonkluda li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi ta’ importanza enormi.  Reputazzjoni li fl-aħħar xhur għaddiet minn żmien iebes iżda li hu qal li mhux tard wisq biex tiġi salvatha.

Il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu iffoka fuq is-settur tal-Fintech u qal li hija ironika li l-professjoni tal-accountants mhix qegħda fuq quddiem f’dan il-pass rivoluzzjonarju fil-finanzi.

Hu qal li hekk kif id-dinja finanzjarja qed tiġi ddiġitalizzata, ħadd ma jaf eżatt fejn se jwassal dan.  Joseph Muscat kompla jgħid li li hu żgur hu il-bżonn li jissaħħaħ ambjent fejn ir-risku hu limitat u rregolat.  Hu qal li r-regolamentazzjoni twitti t-triq għall-innovazzjoni, u li barra r-riskji hemm ukoll l-opportunitatjiet.