Internazzjonali

Il-Kambodja: L-ewwel verdett dwar ġenoċidju minn żmien il-Khmer Rouge

Għall-ewwel darba, żewġ eks-mexxejja tar-reġim brutali tal-Khmer Rouge fil-Kambodja nstabu ħatja dwar ġenoċidju.

Il-verdett storiku jirrigwarda lil Nuon Chea, li ta’ 92 sena kien il-Viċi-Kap tal-mexxej tar-reġim, Pol Pot, u Khieu Samphan, l-eks Kap ta’ Stat tal-Kambodja li llum għandu 87 sena.

Nuon Chea u Khieu Samphan kienu proċessati quddiem it-tribunal tan-Nazzjonijiet Uniti fejn wieġbu għall-akkużi li, fis-snin sebgħin, kienu parti integrali tal-programm għall-esterminazzjoni ta’ Musulmani tad-denominazzjoni Cham u ta’ Vjetnamiti etniċi fil-Kambodja.

Il-verdett ta’ ħtija fil-konfront tagħhom hu l-ewwel dikjarazzjoni uffiċjali li l-azzjonijiet tar-reġim ta’ Pol Pot kienu jammontaw għal ġenoċidju, skont it-terminu ddefinit taħt il-liġi internazzjonali.

Iż-żewġ imputati anki nstabu ħatja dwar ‘litanija’ ta’ reati oħrajn, fosthom diversi reati kontra l-umanità li jinkludu omiċidju, tortura u kampanja li żammet lill-poplu fi stat ta’ skjavitu.

Jaħsbu li sa żewġ miljun persuni mietu taħt ir-reġim tal-Khmer Rouge, bejn l-1975 u l-1979. Intant, dawn il-verdetti mistennija jkunu l-aħħar fl-impenn għall-ġustizzja fuq livell ‘transnazzjonali’ fir-rigward tat-terrur li għaddiet minnu l-Kambodja. Dan meta l-proċess għall-ġustizzja dam għaddej aktar minn għaxar snin.
.