L-istampa fil-Korea ta’ Fuq komunista qalet li l-Mexxej tal-pajjiż, Kim Jong-un, ‘issorvelja’ il-provi ta’ arma ġdida ta’ teknoloġija għolja li jingħad li rnexxiet.
L-aġenzija tal-aħbarijiet KCNA ma tatx dettalji dwar it-tip ta’ arma inkwistjoni waqt li qalet biss li din l-arma kienet żviluppata ‘fuq żmien twil’.
Dawn huma l-ewwel rapporti uffiċjali dwar il-prova ta’ arma mill-Korea ta’ Fuq, wara sena. Ir-rapporti, fl-istess ħin, segwew rapport ibbażat fuq ritratti mis-satellita li identifikaw l-iskala tan-network ikkumplikat ta’ bażijiet għall-missili madwar il-Korea komunista.
Kim Jong-un u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump kienu qablu, waqt is-summit storiku ta’ Ġunju, f’Singapore, dwar il-ħtieġa tad-denuklearizzazzjoni tal-Penisola Koreana. Madankollu ma ħareġ qatt pjan iddettaljat għal dan l-impenn mis-summit.
Min-naħa tagħha, il-Korea t’Isfel qalet li ‘qed tanalizza’ it-tip ta’ arma suġġetta għall-aħħar provi tal-ġar komunista. Dan meta ħafna osservaturi nnutaw li l-Korea ta’ Fuq qatt ma impenjat ruħha biex twaqqaf l-iżvilupp tal-armi jew tagħlaq il-bażijiet għall-missili.
Il-Korea t’Isfel ikkummentat ukoll dwar il-preżenza rappurtata ta’ Kim Jong-un waqt il-prova, fejn qalet li ‘din kienet l-ewwel spezzjoni (ta’ Kim) f’sit għal dawn it-testijiet mindu hu kien attenda l-prova ta’ missila interkontinentali, f’Novembru li għadda’.
//= $special ?>

