Futbol Sport

Il-pjan tagħna mhux se jkun li nistennew iżda li ma ntuhomx spazju – Ray Farrugia

(Ritratt: Martin Agius)

Għal darba oħra ottimiżmu fil-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia lejliet il-konfront tat-tim Malti kontra l-Kosovo. Farrugia jaf li l-logħba se tkun diffiċli minħabba l-qawwa tal-avversarji, iżda qal li huma baqgħu jippreparaw l-istess u l-plejers jafu s-sistema li qed jaħdmu fuqha.

“Nemmen li mexjin fit-triq it-tajba. Qed nintroduċu ż-żgħażagħ u għalhekk ridt plejers bħal Andrè Schembri biex jgħinuhom. Dawn il-plejers ta’ esperjenza fetħulhom il-bieb lil dawn iż-żgħażagħ, u dawn qed jagħtu dimensjoni differenti lit-tim.

Farrugia kompla li waħda mill-affarijiet importanti f’dan it-tim nazzjonali hu li jkun li dirett mal-plejers kollha mill-kbir saż-żgħir għaliex jemmen li “flimkien inkunu tim aħjar.”

Il-kowċ nazzjonali għad għandu sa massimu ta’ żewġ dubji fuq il-formazzjoni inizjali, iżda kkonferma li d-difensur Jonathan Caruana se jibda mill-bidu fid-difiża. Farrugia qal ukoll li l-pjan tat-tim mhux se jkun li jistenna lill-avversarji fil-kaxxa, iżda se jipprova jippressa min-nofs il-grawnd, tattika li Farrugia spjega li tista’ tkun riskjuża, iżda sostna li l-futbol hu mimli riskji.

Preżenti wkoll il-plejer internazzjonali Andrè Schembri li kellu kliem pożittiv għal mod kif it-tim jinsab preparat taħt it-tmexxija ta’ Ray Farrugia. Hu qal li Malta se tkun qed toħroġ biex tikseb il-punti u jinsab ottimist li t-tim Malti se jikseb il-punti.

Minħabba li fost il-ġimgħa ħabbar li se jirtira mit-tim nazzjonali wara dawn iż-żewġ impenji, Schembri kien mistoqsi fuq dan il-fatt u tenna dak li qal ma’ Net Sports aktar kmieni matul il-ġimgħa li “trid tkun servizz lil pajjiżek u mhux bil-kontra. Wasal iż-żmien li nagħti ċans lill-plejers oħra li jistgħu jiffjorixxu.” Hu żied li t-tim nazzjonali għenu biex jikber aktar bħala persuna.

Schembri saħaq li ma hawn xejn isbaħ milli wieħed jirrappreżenta lil pajjiżu u identifika l-logħbiet kontra l-Ungerija, it-Turkija, il-Moldova u l-Armenja bħala fost l-isbaħ logħbiet mat-tim nazzjonali. Il-plejer ta’ Apollon Limassol qal li mhix faċli biex it-tim tagħna jipprova jibni bi stil ta’ logħob iżda fakkar li fl-aħħar logħba kontra l-Ażerbajġan, it-tim Malti pressa min-nofs il-grawnd u anki ħoloq xi okkażjonijiet.