Lokali Qorti

Imniedi l-ktieb “Ġustizzja bi Tbissima”

L-eks-Kummissarju Ewropew, Tonio Borg, nieda l-ktieb tiegħu “Ġustizzja bi Tbissima, Stejjer Umoristiċi” l-Ġimgħa filgħaxija fl-Awla Kriminali 22 fil-Qorti.

Dan il-ktieb għandu ġabra ta’ anedotti u avventuri li ġraw fil-Qorti u l-uffiċċju tal-avukati tul il-karriera legali tiegħu, b’mod partikolari affarijiet li qatt ma jiġu rrappurtati fil-gazzetti. Dan hekk kif l-avukati, il-maġistrati u l-imħallfin jaraw minn kollox quddiemhom: minn kawżi dwar klieb u qtates, ġlied bejn il-ġirien, argumenti dwar wirt sa kwistjonijiet dwar tiġijiet u l-għarajjes.

Fost il-mumenti umoristiċi li se jiżvela dan il-ktieb naraw l-avukat li ddikkjara lilu nnifsu Prinċep, x’professjoni għandu l-ħalliel u l-preġji li kellha l-mogħża Għawdxija biex baqgħet tissemma. Anke maġistrati u mħallfin jiżżefnu f’diversi stejjer umoristiċi.

F’dan il-ktieb tal-eks Ministru Nazzjonalista, il-pubblikaturi Kite Group qed jippubblikaw ukoll poeżiji li nkitbu waqt kawżi jaħarqu nar u d-dwetti li kien jikteb l-Imħallef Victor Caruana Colombo fl-okkażjoni ta’ Sant’ Ivo, meta ssir l-ikla tradizzjoni għall-avukati. F’dawn it-taqbiliet, l-istess Imħallef ma jħallihiex lixxa lill-avukati u l-membri tal-ġudikatura, li jgħarraxhom, jinbixhom u jiġbdilhom saqajhom it-tnejn!