Futbol Sport

It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena jitlef f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Albanija

(Ritratt: MFA)

Iċ-ċiklu ġdid tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena beda b’telfa ta’ 2-0 f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Tirana kontra l-Albanija. Din il-logħba hi parti minn żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra l-Albanija li se sservi biex il-kowċ nazzjonali Silvio Vella jara l-plejers f’dan il-grupp ġdid. It-tim Malti jilgħab it-tieni logħba kontra l-Albanija t-Tnejn.

B’kollox għamlu d-debutt mill-bidu erba’ plejers. Il-plejer ta’ Hibernians Connor Zammit beda mal-linja fid-difiża u l-plejer ta’ Valletta Nicholas Pulis beda fil-qalba tad-difiża flimkien ma’ Jean Borg. F’nofs il-grawnd bdew il-plejer ta’ Ħamrun Bradley Schembri u Jamie Zerafa li jilgħab fis-Serbja.

It-tim Malti ħoloq l-ewwel periklu wara sitt minuti b’Myles Beerman jitfa’ kross mil-lemin lejn Jan Busuttil, iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet barra. Malta reġgħet marret qrib il-gowl fl-24 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Zachary Brincat li għaddiet fuq il-lasta.

Ċans tajjeb għall-Albanija fit-32 minuta b’Arbnor Mucolli jonqos li jikkontrolla minn qagħda tajba, bil-gowlkiper Andreas Vella jsalva fil-ħin. L-Albanija fetħet l-iskor żewġ minuti wara meta RUBIN HEBAJ irċieva mingħand Omar Imeri u għeleb lil Andreas Vella b’xutt bix-xellug minn tarf il-kaxxa.

Huma rduppjaw qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Hebaj twaqqa’ minn Michele Sansone fil-kaxxa ż-żgħira, b’OMAR IMERI jiskorja mill-penalty.

It-tieni taqsima naqset mir-ritmu minħabba li ż-żewġ kowċis nazzjonali bidlu ħafna mill-plejers. L-Albanija kienet qrib it-tielet gowl fl-54 minuta b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Esat Mala li ħabat mal-lasta u niżel fuq il-linja, bid-difiża Maltija tbiegħed il-periklu. L-unika azzjoni Maltija li ħolqot ftit periklu seħħet fit-72 minuta b’xutt minn madwar 30 metru ta’ Jamie Zerafa li spiċċa fuq il-lasta.