Il-Pulizija Torka arrestat 12-il persuna, fosthom żewġ akkademiċi prominenti, bħala parti minn investigazzjoni dwar attivist ewlieni favur id-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjoni kulturali tiegħu.
L-attivist, Osman Kavala, li hu wkoll negozjant, sena ilu kien intefa’ l-ħabs biex jistenna proċess tal-qorti u fejn kien akkużat dwar attentat intiż għat-twaqqigħ tal-Gvern. Dan bħala parti minn investigazzjoni dwar netwerk li l-awtoritajiet f’Ankara qegħdin jakkużawh bħala l-ixprun wara l-kolp ta’ stat fallut tal-2016 li kien sar kontra t-tmexxija tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan.
Il-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-Parlament Ewropew kemm-il darba insistew għall-ħelsien ta’ Kavala meta għadu ma tressaqx mandat ta’ akkuża fil-konfront tiegħu. Intant, ir-rapporti qalu li l-aħħar arresti kellhom x’jaqsmu mal-protesti tal-massa kontra l-Gvern Tork li seħħew, fl-2013, f’park ta’ Istanbul u li kienu nfirxu mat-Turkija, bi sfida ċara għat-tmexxija ta’ Erdogan.
//= $special ?>

