“Konrad Mizzi, li f’okkażjonijiet preċedenti sejjaħ konferenzi tal-aħbarijiet live fuq skala nazzjonali biex iħabbar roħs ta’ 2ċ fil-prezzijiet tal-petrol, mhux biss qed jonqos mid-dover politiku li jaffaċċja l-ġurnalisti fid-dawl tar-rivelazzjonijiet kbar fl-aħħar jiem – iżda qiegħed ukoll jikser il-liġi.”
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fi stqarrija, li sostna li fid-dawl tal-provi ppubblikati mit-Times of Malta u r-Reuters dwar ir-rabta bejn 17 Black, Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-konsorzju li r-rebaħ il-kuntratt tal-Power Station f’Malta, hu tal-mistħija meta tara t-tattiċi użati mill-Ministru Mizzi fl-aħħar jiem. Madanakollu, dawn l-azzjonijiet għandhom konsegwenzi ferm aktar gravi.
David Casa spjega li l-kmamar tal-aħbarijiet kollha għandhom id-dritt li jkunu preżenti għall-attivitajiet fejn il-media tkun mistiedna. Dan hu dritt protett mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Kostituzzjoni Maltija.
Billi jirrifjuta li jistieden media indipendenti għall-attivitajiet tiegħu u b’hekk jevita mistoqsijiet dwar l-aġir tiegħu b’rabta mad-deals sigrieti tiegħu ma’ 17 Black, li jiswew mijiet ta’ eluf ta’ ewro, Konrad Mizzi qed iħalli effett negattiv fuq id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-media ħielsa, u għalhekk qed jikser id-dispożizzjonijiet ta’ Artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kostituzzjoni Maltija, kif ukoll qed jikser il-kodiċi tal-etika tal-Ministri.
Hu importanti li wieħed jinnota li l-media Maltija mhux biss qed tirrapporta dwar temi lokali, iżda dwar tema ta’ liġi Ewropea, u dan peress li 17 Black u l-proġett tal-Power Station huma ta’ natura pubblika. Għalhekk, il-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-kostituzzjoni u l-liġi Ewropea – dawk b’rabta mad-demokrazija – japplikaw, li jinkludu d-dritt ta’ trattament trasparenti u ugwali. L-azzjonijiet ta’ Konrad Mizzi f’dan il-każ qed jiksru b’mod ċar il-liġijiet Ewropej.
Fil-kummenti tiegħu lill-media, David Casa temm jgħid li Konrad Mizzi għandu jieqaf jaħrab mir-realtà u jaffaċċja għemilu. “Inaċċettabbli li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, issa, qed jiddefendi anke l-ksur tal-liġi, u juri f’liema stat spiċċat is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.”
//= $special ?>