L-Olanda baqgħet tittama li tavvanza mal-aħħar erbgħa tal-UEFA Nations League b’rebħa fuq iċ-champions tad-dinja Franza f’Rotterdam, biex b’din ir-rebħa kkundannaw lit-tim nazzjonali Ġermaniż għal diviżjoni inferjuri.
Il-midfielder ta’ Liverpool Georginio Wijnaldum fetaħ l-iskor fl-44 minuta, biex Memphis Depay għalaq il-logħba b’penalty fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, wara li Frenkie de Jong kien imwaqqa’ fil-kaxxa minn Moussa Sissoko. Din ir-rebħa tfisser ukoll li jekk it-tim ta’ Ronald Koeman ma jkunx megħlub mill-Ġermanja, l-Olanda taqbeż lil Franza fil-quċċata ta’ Grupp A1 u tavvanza għas-semifinali tas-sajf li ġej b’ċans li tirbaħ il-kompetizzjoni.
Is-Slovakkja baqgħet tittama li ma tkunx relegata f’Diviżjoni Ċ hekk kif rebħet 4-1 kontra l-Ukrajna, nazzjon li kien diġà assigura postu f’Diviżjoni A wara tliet rebħet minn tliet logħbiet. Albert Rusnak kien fetaħ l-iskor wara sitt minuti biex Juraj Kucka rdoppja fis-26 minuta. L-Ukreni kellhom bidu tajjeb għat-tieni taqsima u fis-47 minuta naqqsu d-distakk minn Yevheniy Konoplyanka, iżda ħames minuti wara Adam Zrelak għamilhom 3-1, biex Robert Mak għalaq il-logħba bir-raba’ gowl mas-siegħa logħob.
Gowl tard fil-logħba ta’ Gareth Bale ma kienx biżżejjed għal Wales milli jevitaw telfa ta’ 2-1 kontra d-Danimarka, telfa li temmet it-tamiet tagħhom li jkunu promossi f’Diviżjoni A. Bale u James Chester fallew okkażjonijiet tajba mill-viċin fl-ewwel taqsima, iżda l-gowl ta’ Nicolai Jorgensen żewġ minuti minn tmiem l-ewwel 45 minuta, sikket lill-partitarji f’Cardiff City Stadium.
Id-Danimarka prattikament assigurat mir-rebħa żewġ minuti mit-tmiem b’xutt mill-ewwel ta’ Martin Braithwaite minn throw-in. B’minuta għat-tmiem, Bale ħalla lil Wales tittama wara li dar ma’ Kasper Schmeichel u skorja f’lasta vojta. Dan il-gowl ma kienx biżżejjed biex isalva l-logħba għal Wales, bid-Danimarka tassigura postha mal-aqwa timijiet fl-Ewropa f’Diviżjoni A.
Minn Diviżjoni Ċ kollox baqa’ kif inhu biż-żewġ logħbiet intemmew fi draw, biex b’hekk in-Norveġja u l-Bulgarija se jkunu qed jissieltu għal min ikun promoss, bis-Slovenja tkun matematikament relegata.
Riżultati
Diviżjoni A – Grupp 1 – Olanda v Franza 2-0
Diviżjoni B – Grupp 1 – Slovakkja v Ukrajna 4-1
Diviżjoni B – Grupp 4 – Wales v Danimarka 1-2
Diviżjoni Ċ – Grupp 3 – Ċipru v Bulgarija 1-1 , Slovenja v Norveġja 1-1
Diviżjoni D – Grupp 4 – Ġibiltà v Armenja 2-6 , Liechtenstein v Maċedonja 0-2
//= $special ?>