Sport Sport Ieħor

Malta tispiċċa fit-tielet post fil-Kampjonat tad-Dinja tad-Drug Free Powerlifting

It-tim Malti tad-Drug Free Powerlifting spiċċa fit-tielet post fil-Kampjonat tad-Dinja tal-Powerlifting organizzat mid-WDFPF fi Glasgow fl-Iskozja. Għaxar lifters Maltin ikkompetew Dawk li ħadu sehem kienu Nathalie Agius, Ryan Agius, Luke Bonanno, Dylan Callus, Alwyn Cassar, Cleaven Cutajar, Maria Debono, Daniel Debono, Charles Degiorgio u Shawn Farrugia.

Il-Maltin spiċċaw wara r-Renju Unit u l-Italja. Fil-kompetizzjoni ħadu sehem ukoll pajjiżi bħal Franza, il-Belġju, il-Moldova u l-Istati Uniti. Fost l-aktar atleti li spikka kien iż-żagħżugħ ta’ 22 sena Dylan Callus li kiser ir-rekords tal-Ewropa u tad-Dinja. Alywn Cassar u Luke Bonanno li wkoll għadhom żgħażagħ kisru r-rekords nazzjonali.

Dylan Callus ikkompeta fil-kategorija tal-125 kilo. Hu beda bi squat faċli ta’ 250.5kg li kien diġà rekord Ewropew fil-kategorija tal-juniors. Hu kiser ir-rekord tiegħu stess fit-tieni u t-tielet tentattivi ta’ 265kg u 272.5kg rispettivament.

Fil-bench press, Callus beda ftit ħażin minħabba teknikalità, iżda rrepeta l-istess attentat ta’ 170kg u għamel rekord tad-dinja ta’ 181.5kg. Callus prova wkoll ir-raba’ attentat ta’ 185kg u spiċċa biex reġa’ kiser ir-rekord.

Callus kompla jikkompeti fid-deadlift u kiser ir-rekord Ewropew ta’ 330kg u għal ftit falla l-attentat ta’ 338kg. Iż-żagħżugħ Malti rreġistra l-akbar total mill-160 lifter preżenti fil-kompetizzjoni kif ukoll kellu l-akbar total fl-istorja tal-powerlifting f’pajjiżna b’total ta’ 782.5kg. Hu spiċċa l-ewwel fil-kategoriji Junior u Open taħt il-125kg u temm ir-raba’ minn dawk kollha li kkompetew.

Alywn Cassar ikkompeta fil-kategorija taħt il-100kg. Hu kellu bidu ħażin iżda rnexxielu jagħmel squat ta’ 170kg, rekord nazzjonali fil-bench press ta’ 110kg u deadlift ta’ 192.5kg. Dan għandu jitqies riżultat pożittiv għal Cassar li kkompeta fl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali fl-età ta’ 17-il sena u saħansitra weġġa’ tliet ġimgħat qabel il-kompetizzjoni.

Luke Bonanno fl-età ta’ 16-il sena, għamel squat ta’ 150kg, bench press ta’ 100kg u deadlift ta’ 167.5kg. Dawn it-tentattivi flimkien mat-total huma rekords nazzjonali fil-kategorija Teenager 2.

Il-kompetizzjoni li jmiss f’pajjiżna se ssir fit-2 ta’ Diċembru fil-Birgu Youth Centre, bl-avveniment se jkun fuq single lift li jfisser li l-atleti jistgħu jikkompetu b’refgħa biss li hi squat, bench press jew deadlift.