Sport Waterpolo

Nikša Dobud jitħabbar plejer ta’ San Ġiljan għas-sajf li ġej

San Ġiljan TUM Invest ħabbru li l-ewwel barrani tagħhom għall-istaġun tas-sajf li ġej se jkun Nikša Dobud, f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna. Fil-passat, il-plejer ta’ 33 sena kien captain tat-tim ta’ Dubrovnik, VK JUG.

Fil-bidu ta’ dan l-istaġun, il-Kroat ingħaqad maċ-champions Taljani Pro Recco, iżda mhux se jkun jista’ jilgħab qabel it-12 ta’ April tas-sena d-dieħla hekk kif bħalissa qed jiskonta sospensjoni ta’ erba’ snin minħabba li kien naqas li jirrispetta l-protokol kontra d-doping. Hu se jkun jista’ jirritorna għat-taħriġ fi Frar li ġej u żgur li se jkun pedina importanti fl-aħħar fażi tal-istaġun għat-tim ta’ Ratko Rudic.

Qabel din is-sospensjoni, Dobud kien plejer regolari fit-tim nazzjonali Kroat. Fost is-suċċessi li kiseb, hu kien parti mit-tim nazzjonali ta’ pajjiżu li rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012. Hu spiċċa tliet darbiet it-tielet fil-Kampjonat tad-Dinja, rebaħ il-Kampjonat Ewropew li sar f’pajjiżu fl-2010, il-FINA World League f’Almaty fl-2012 u l-Logħob tal-Mediterran fl-2013.