Id-Direttur tax-Xogħol fetħet investigazzjoni fuq il-mod kif il-kumpanija Gozo Channel qed taġixxi fil-konfront tal-impjegati tagħha li segwew direttivi uffiċjali tal-UĦM Voice of the Workers.
Dawn id-direttivi, li daħlu fis-seħħ fl-aħħar jiem, ġew imsejħa bl-iskop li jkun rimedjat każ ta’ ksur ta’ liġi fuq paga ugwali għal xogħol tal-istess valur. Dan għaliex ħaddiema tal-Gozo Channel li qed jagħmlu l-istess xogħol bħal dawk tal-kuntrattur għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol aktar favorevoli.
Is-sitwazzjoni qed taffettwa ħaddiema tal-kuntrattur Executive Security Services Ltd, li jaqdi l-Gozo Channel b’impjegati fil-pożizzjoni ta’ Cabin Attendants u Baħrin.
Iżda minflok ir-rimedjat is-sitwazzjoni, il-Gozo Channel ivvendikat ruħha mill-ħaddiema. Tant hu hekk li ċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina ta intervista lill-midja fejn waħħal fil-ħaddiema u akkużahom li qed jagħmlu vendikazzjoni mill-ħaddiema Għawdxin. Dan meta l-ħaddiema li qed jobdu d-direttivi huma lkoll Għawdxin huma stess.
Barra minn hekk il-Gozo Channel ċemplitilhom individwalment, minkejja li huma impjegati tal-kuntrattur u mhux tagħha, u malli qalu li ser isegwu d-direttivi, dawn ġew maqlugħa mix-xiftijiet tar-roster tal-ġimgħa d-dieħla.
Fid-dawl ta’ dan, id-Direttur tax-Xogħol infurmata b’dak li qed jiġri u d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet tax-Xogħol u l-Industrija (DIER) qed jagħmel investigazzjoni fuq dan il-każ biex il-ħaddiema ma jispiċċawx vittmi ta’ forced leave jew isofru minn paga mnaqqsa għax qed isegwu d-direttivi. Dawn huma żewġ azzjonijiet li skont il-liġi huma abbużivi u llegali.
//= $special ?>