Il-Premju Sakhorov għal-Libertà tal-Ħsieb jiġi mogħti kull sena mill-Parlament Ewropew lill-individwi u organizzazzjonijiet għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem.
Sabiex jitfakkar it-30 sena ta’ dan il-premju, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, bil-kollaborazzjoni tal-iSpeaker tal-Parlament Malti, Anġlu Farrugia, qed itella’ wirja fotografika fid-daħla tal-Parlament ta’ Malta bit-tema Jiddefendu l-libertajiet tagħna li ġiet imnedija l-Ġimgħa filgħaxija.
Dan huwa proġett dokumentarju li jixħet dawl fuq erba’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem mill-Bożnja Ħerżegovina, il-Kambodja, l-Etijopja u t-Tuneżija li qajla smajna bihom. Kull attivist huwa ppreżentat mil-lenti ta’ fotografu ta’ Magnum Photos, aġenzija ta’ fama internazzjonali f’Londra, Pariġi u New York. B’hekk, il-wirja tipprovdi vjaġġ li jdaħħal lil dak li jkun fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn l-eroj.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, u bosta deputati parlamentari Maltin.
Il-wirja… li se tibqa’ miftuha sal-25 ta’ Novembru u li dħul għaliha huwa b’xejn… ġiet murija f’ diversi bliet kbar Ewropej, fosthom Vjenna, Milan, Londra, u Ġinevra.
//= $special ?>