Lokali

13% tal-Maltin u l-Għawdxin ibatu mid-dijabete

F’pajjiżna, madwar 13% tal-Maltin u l-Għawdxin ibatu mill-kundizzjoni tad-dijabete … kundizzjoni magħrufa bħala ‘Silent Killer’.

Fost dawn, numru ta’ tfal li ta’ kuljum ikollhom jittaqbu mal-erba’ darbiet kuljum biex jieħdu l-insulina kawża tal-kundizzjoni tad-dijabete.

Dan ħareġ minn seminar li sar mill-Assoċjazzjoni għad-Dijabete Maltija b’rabta ma’ Jum id-Dijabete, bit-tema għal din is-sena tkun id-dijabete u l-familja.

Waqt is-seminar tkellmu diversi persuni u professjonisti f’dan il-qasam li esprimew l-importanza li jiżdied l-għarfien fuq din il-kundizzjoni.

Din il-kundizzjoni hija piż li wieħed ikollu jġorr miegħu ta’ kuljum u twassal mhux biss għal diversi problemi għall-istess pazjenti, iżda saħansitra għal dawk ta’ madwarhom.

Matul is-seminar, li kellu l-għan li jitqajjem iżjed għarfien fuq id-dijabete, sar appell biex wieħed jieħu l-kura kollha meħtieġa u jiġu mgħejuna l-qraba ta’ dawk li għaddejjin minn din l-esperjenza biex jgħatuhom is-sapport li għandhom bżonn.

Minn naħa l-oħra, l-għajnuna morali mhux biżżejjed hekk kif dawn il-familji jkollhom spejjeż kbar. B’hekk sar appell lill-awtoritajiet konċernati biex il-kura ssir affordabbli.

Sar appell ukoll biex jingħataw b’xejn il-Blood Glucose Monitoring Devices biex jittaffu ftit mill-problemi u spejjeż ta’ dawk li jsofru mid-dijabete.