Internazzjonali

Akkużi ġodda dwar il-qtil tal-ġurnalista, Khashoggi

Is-servizzi sigrieti tas-CIA tal-Istati Uniti jemmnu li l-Prinċep tal-Arabja Sawdija, Mohammed bin Salman, kien ħareġ direttivi għall-qtil tal-ġurnalista, Jamal Khashoggi, li fit-2 ta’ Ottubru spiċċa jitlef ħajtu fil-konsulat Sawdi ta’ Istanbul ( fit-Turkija) bil-katavru jibqa’ ma jinstabx.

Sorsi qrib l-aġenzija qalu li huma evalwaw fid-dettall l-affarijiet relatati mal-każ u waqt li mhemm xejn konkret li jissostanzja s-sehem dirett ta’ Salman, l-uffiċjali Amerikani jemmnu li azzjoni fuq dak il-livell ma setgħet issir qatt mingħajr l-approvazzjoni tal-Prinċep.

Khashoggi kien kritiku kbir tat-Tmexxija Sawdija li qed tiċħad għall-aħħar allegazzjonijiet tas-CIA, waqt li tinsisti li ‘il-Prinċep Salman ma kien jaf xejn dwar il-pjani għall-omiċidju tal-ġurnalista’.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence ħalef li se ssir ġustizzja mal-qattiela ta’ Khashoggi fejn sostna li ‘l-Istati Uniti tibqa’ determinata biex jagħtu kont għal għemilhom in-nies kollha responsabbli għall-eliminazzjoni tal-ġurnalista.’