Lokali

“Pjanaw li jdaħħlu €5,000 kuljum minn 17 Black” – Adrian Delia

Intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista ftit tal-jiem biss wara li faqqa' l-iskandlu 17 Black

“Il-Prim Ministru ikejjel b’riga differenti lin-nies ta’ madwaru. U fejn jidħol l-iskandlu ta’ 17 Black, kollox jindika li Muscat qed jibqa’ jkaxkar saqajh u mhux jerfa’ r-responsabbilta’ politika”.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN meta illejla kien mistieden ta’ Peppi Azzopardi fil-programm Xarabank.

Il-Kap tal-PN fakkar li skont l-emails, hemm ċar illi l-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu se jdaħħlu mal-€5,000 kuljum minn 17 Black.

“Dawn huma fatti u mhux allegazzjonijiet”, sostna Adrian Delia.

Il-Kap tal-PN ma ddejjaq xejn jirrispondi d-domandi kollha, inkluż allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Hawn kien ċar ħafna – “jekk irid il-Kummissarju jiġi issa stess u jinvestiga, jien ma nibżax għax ma għamilt xejn u fil-Parlament ivvutajt favur mozzjoni biex jiġu investigati kull tip ta’ allegazzjonijiet”.

Meta kien mistoqsi dwar Egrant, Adrian Delia semma’ l-fatt illi l-inkjesta sħiħa għadha qed tinżamm moħbija. Hu qal li din il-mossa tal-Avukat Ġenerali qed toħloq żbilanċ politiku, għaliex in-nies iridu jkunu jafu l-verita’.

Fil-programm ipparteċipa ukoll il-whip Laburista Byron Camilleri illi ikkummenta biss b’mod negattiv u ma kellu xejn kostruttiv x’jikkummenta.

Adrian Delia minn naħa tiegħu kien kategoriku, u stqarr li pajjiżna għandu bżonn pjan ċar – pjan għal Malta tal-futur.

Il-Kap tal-PN tenna li għall-Oppożizzjoni il-valur tal-ħajja jibqa’ fundamentali, u t-trabi fil-ġuf mhumiex biss 8 ċelloli. Adrian Delia insista li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista hu magħqud f’vuċi waħda kontra l-abort. B’kuntrast, il-Partit Laburista, sostna Adrian Delia, mhux kapaċi jagħti free vote lid-deputati tiegħu.