Lokali

Iċċelebrata Jum Santa Ċeċilja padruna tal-mużiċisti

Minkejja li forsi fil-ġurnata tal-lum, il-kult tal-qaddisin m’għadux daqshekk popolari, xorta waħda xejn ma jnaqqas mill-fatt li huwa interessanti li wieħed jifhem sew għaliex il-ħajjiet ta’ uħud mill-qaddisin tal-Knisja Kattolika għandhom rabta partikolari ma’ kategoriji differenti ta’ nies.

Fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika, fit-22 ta’ Novembru tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Ċecilja, padruna tal-mużika u l-mużiċisti.  Santa Ċeċilja hija waħda mill-ewwel martri tal-Knisja u li għexet fit-tielet seklu wara Kristu, fi żmien l-Imperu Ruman.  L-istorja tgħid li kontra x-xewqat tagħha, l-ġenituri ġegħluha tiżżewweġ xorta waħda. Hi irnexxielha tikkonverti ukoll lir-raġel tagħha li baqa’ jirrispetta xewqitha li hi tkun kasta għal Kristu.

Fl-arti ħafna drabi nsibu lil Santa Ċeċilja b’bosta strumenti mużikali li jissimbolizzaw ġrajja li seħħet fil-ħajja ta’ din il-qaddisa. Jingħad li waqt iċ-ċerimonja taż-żwieġ, minflok il-mużika li bdiet tindaqq, Ċeċilja bdiet tkanta innu ta’ tifħir lil Krisu l-għarus tagħha.

F’Malta, Santa Ċeċilja hija ukoll il-padruna tal-baned. Il-baned lokali għandhom sehem importanti fit-tagħlim tal-mużika f’pajjiżna kif ukoll fit-tisħiħ tal-kultura. Ta’ kull sena fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja, issir quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li għaliha jkunu mistiedna l-membri kollha fi ħdan l-Għaqda Każini tal-Baned. Wara imbagħad, isir marċ tul it-toroq ewlenin tal-Belt Valletta minn banda magħżula kull sena. Din is-sena kien imiss lill-Banda Santa Marija ta’ Ħad Dingli, li kienet akkumpanjatha minn rappreżentanti tal-baned lokali li mxew wara l-istandardi rispettivi tagħhom.