Il-Portugall ikkwalifikat għas-semifinali tal-UEFA Nations League wara li kien biżżejjed għaliha draw ta’ 0-0 kontra l-Italja f’San Siro.
L-Italja marret qrib wara biss ħames minuti b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Lorenzo Insigne li kien salvat parzjalment minn Rui Patricio, iżda mir-rebound Ciro Immobile spara għoli. Żewġ minuti wara, xutt djagonali fil-baxx ta’ Alessandro Florenzi għadda ftit barra.
It-tim ta’ Roberto Mancini kien deċiżament l-aħjar tim fil-grawnd, iżda huma naqsu li jkollhom biżżejjed plejers fil-kaxxa, li wassal biex ftit kienu perikolużi. L-unika azzjoni perikoluża sa tmiem l-ewwel 45 minuta seħħet fis-37 minuta, b’Leonardo Bonucci jmur viċin li jiftaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras minn korner li għaddiet ċentimetri barra.
Fit-tieni taqsima t-Taljani naqqsu ftit mir-ritmu, bil-Portugall taqsam aktar il-logħob fit-tieni nofs tat-tieni taqsima. Ċans tajjeb għat-tim Portugiż li jmur fil-vantaġġ fis-76 minuta bil-gowlkiper Taljan Gianluigi Donnarumma jkun attent biex dawwar f’korner b’save mill-isbaħ, xutt fil-baxx ta’ William Carvalho.
L-aħħar tentattiv tat-Taljani wasal fil-91 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Lorenzo Pellegrini minn korner, li kienet salvata minn Rui Patricio.
Riżultati tal-lum mill-UEFA Nations League
Diviżjoni A Grupp 3 – Italja v Portugall 0-0
Diviżjoni B Grupp 2 – Turkija v Żvezja 0-1
Diviżjoni Ċ Grupp 1 – Albanija v Skozja 0-4
Diviżjoni Ċ Grupp 4 – Serbja v Montenegro 2-1 , Rumanija v Litwanja 3-0
Diviżjoni D Grupp 3 – Ażerbajġan v Gżejjer Faroe 2-0 , Malta v Kosovo 0-5
//= $special ?>