Futbol Sport

Iż-żgħażagħ Maltin iwaqqfu l-qawwa Belġjana

BELĠJU……………. 1  MALTA…………….. 1

Malta: A. Sylla (C. Formosa 46’), A. Vella, D. Debono, C. Gauci, A. Magri-Overend, S. Dimech, C. Zammit-Lonardelli (M. Portelli 91’), M. Grima, A. Attard (C. Bouvet 86’), A. Satariano, P. Mbong (A. Spiteri 76’)

Skorjaw: B. Schoonbaert og 11’ (M), Brendan Schoonbaert 45’ (B)

Referee: Duje Strukan (Kroazja)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena kiseb punt pożittiv meta spiċċa fi draw ta’ 1-1 kontra l-Belġju. Din il-prestazzjoni segwit dik ta’ fost il-ġimgħa, bit-tim ta’ Winston Muscat ikun dixxiplinat bi pjan difensiv li ħadem kontra avversarju aktar b’saħħtu. Din kienet it-tieni logħba minn dan il-mini-tournament għall-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew.

Iż-żgħażagħ Maltin marru fil-vantaġġ wara 11-il minuta. Kienet azzjoni tajba mix-xellug, b’Alex Satariano jitfa’ kross mix-xellug, bid-difensur xellugi Brendan Schoonbaert jiskorja fix-xibka tiegħu stess. Il-Belġju kellha ċans tad-deheb li ġġib id-draw erba’ minuti wara, bil-gowlkiper Amara Sylla jwaqqa’ lil Ibrahim Kargbo fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru x-xutt tal-captain Brandon Baiye għadda barra.

Fid-29 minuta, Tom Reyners kellu opportunità tajba li jġib id-draw iżda x-xutt mill-kaxxa kien salvat minn Sylla. Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Adriano Bertaccini seta’ jagħmel aħjar iżda x-xutt tiegħu mill-kaxxa għadda fuq il-mimduda. Madankollu minuta wara l-Belġju skorjat il-gowl tad-draw b’Schoonbaert jegħleb lil Sylla b’daqqa ta’ ras minn korner.

Fit-tieni taqsima l-Belġjani żiedu l-pressjoni u fil-50 minuta d-daqqa ta’ ras ta’ Kargbo għaddiet ftit barra, biex fid-69 minuta l-gowlkiper sostitut Cain Formosa salva mill-qrib tentattiv ta’ Bertaccini. Kargbo reġa’ mar qrib għaxar minuti mit-tmiem, iżda d-daqqa ta’ ras għaddiet barra.

Bil-Belġjani jfittxu l-gowl tar-rebħa, it-tim Malti beda jopera bil-kontrattakk. Formosa reġa’ spikka lejn it-tmiem meta l-ewwel salva tajjeb fuq Lois Openda u mill-korner il-gowlkiper Malti salva xutt ta’ Reyners.

It-tisfira finali ntlaqgħet minn ferħ tal-plejers Maltin flimkien mal-istaff tekniku u l-partitarji preżenti. It-tim Malti jilgħab it-tielet u l-aħħar logħba nhar it-Tlieta fis-2.15pm fis-Centenary Stadium kontra l-Litwanja, tim li lbieraħ tilef 7-0 kontra Franza.