Lokali

“L-Avukat Ġenerali għandu wisq poteri” – Prim Imħallef Joseph Azzopardi

“L-Avukat Ġenerali għandu wisq poteri, bil-konsegwenza li min ikun f’dik il-pożizzjoni jsir ruħu f’pożizzjoni diffiċli.”

Iddikjara dan il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi waqt laqgħa li kellu f’Settembru ma’ grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej li kienu ġew f’pajjiżna fuq missjoni biex jinvestigaw is-saltna tad-dritt f’Malta.

Fir-rapport tagħhom ippubblikat fl-aħħar jiem, l-MEPs fost oħrajn jappellaw biex ir-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant ikun ippubblikat, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li għandha ssir.

Sa issa huma biss il-Prim Ministru, il-Ministru Owen Bonnici u membri oħra tal-Partit Laburista li għandhom f’idejhom il-kopja tar-rapport.

F’Lulju, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wiegħed li se jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta, iżda s’issa naqas milli jagħmel dan, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jkollu jiftaħ kawża fil-Qorti biex jitlob lil-Avukat Ġenerali kopja tar-rapport.

Iżda l-Avukat Ġenerali qed ikompli jirreżisti t-talba tal-pubblikazzjoni tar-rapport sħiħ, tant li anke lid-delegazzjoni ta’ MEPs qalilhom li l-pubbliku ġie ssodisfat meta ppubblika biss il-konklużjonijiet.
Madankollu l-konklużjonijiet tar-rapport jikkontradixxu dan. Jingħad li jekk ir-rapport sħiħ ma jiġix ippubblikat immedjatament, u jekk jibqgħu biss il-membri tal-Gvern li għandhom kopja sħiħa, dan iwassal biex jintilef il-kunfidenza fil-proċess ġudizzjarju.