Wara ġranet sħaħ ta’ kritika għall-mod kif qed jitqassmu l-kontenituri tal-iskart minn Ta’ Qali, u wara l-istejjer ripetuti li ppubblika dan is-sit, illum il-Wasteserv kisret is-silenzju biex tippubblika stqarrija – bl-entita’ tal-Gvern għoġobha tgħid li l-kontenituri huma “stackable”.
Il-Wasteserv farfet fuq in-nies u fuq il-kumpaniji privati biex tiġġustifika ir-rebus li nħoloq f’dawn il-ġimgħatejn.
Fl-istqarrija intqal illi r-residenti għandhom joħorġu BISS il-boroż u mhux il-kontenituri għal fini ta’ ġbir ta’ skart bieb-bieb u skont l-iskeda ta’ ġbir ta’ dik il-lokalità partikolari. “Hu importanti li wieħed jiftakar biex joħroġ il-borża t-tajba fil-ħin u fil-jum li suppost tinġabar”.
Imbgħad iddedikat ftit linji għat-tqassim tal-erba’ bins illi bħalissa n-nies qed ikunu imġiegħla jiġbruhom minn Ta’ Qali.
Fl-istqarrija jingħad biss illi min rebaħ it-tender tal-kontenituri se jżid aktar punti ta’ distribuzzjoni fil-futur qarib u diġà qiegħed f’kuntatt ma’ għadd ta’ Kunsilli Lokali “biex jiddetermina l-aħjar postijiet minn fejn isir il-ġbir”. Fi ftit kliem, anke dwar dan xejn mhu ċar u għadha għaddejja konsultazzjoni biex tinstab soluzzjoni. Dan ifisser li għad m’hemm l-ebda data meta se jibdew jitqassmu l-bins fil-lokalitajiet.