Internazzjonali

Ministri Britanniċi jittamaw fil-bidliet għall-abbozz tal-ftehim dwar Brexit

Grupp ta’ Ministri fil-Kabinett tar-Renju Unit immexxi mill-Prim Ministru Theresa May qegħdin jittamaw li jipperswadu lil May biex twettaq il-bidliet fl-abbozz tal-ftehim dwar il-Brexit. Dan indikawh diversi sorsi tal-aħbarijiet, fosthom il-BBC, u fejn ma naqsux rapporti li Theresa May ‘tinsab lesta biex tilqa’ sfida potenzjali għat-tmexxija tagħha’.

L-indikazzjonijiet huma li Andrea Leadsom, il-Kap tal-House of Commons ( Parlament), qed tikkoordina dan il-grupp ta’ Ministri li jinkludu, fost oħrajn, lil Michael Gove, li hu responsabbli mill-Ambjent, u Liam Fox, il-Ministru għall-Kummerċ Internazzjonali.

Intant, Gove u Fox it-tnejn iddikjaraw, pubblikament, l-appoġġ tagħhom għal May li nhar l-Erbgħa kienet ippubblikat l-abbozz tal-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea filwaqt li ħalfet ‘biex tikkonkludi dan it-tragward’. Id-dokument ifassal il-kundizzjonijiet għat-tluq tar-Renju Unit mill-UE fejn, fost oħrajn, jinkludi dettalji dwar kemm iridu jitħallsu flus lill-Unjoni kif ukoll dwar id-drittijiet taċ-ċittadin.

Hu minnu wkoll li May tinsab taħt pressjoni kbira wara li, fl-aħħar jiem, irriżenjawlha żewġ Ministri ewlenin u xi junior ministers oħrajn. Fl-istess ħin, xi deputati Konservattivi li huma kontra l-abbozz għal ftehim dwar il-Brexit qegħdin jissottomettu ittri ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru. F’każ li jintbagħtu 48 minn dawn l-ittri, ikun hemm lok għal vot speċifiku u fejn May ikollha tilqa’ sfida għat-tmexxija.

Intant, meta staqsewh hekk May hix lesta għall-isfida, iċ-Chairman tal-Partit Konservattiv fil-Gvern, Brandon Lewis, tenna l-ħsieb li ‘il-Prim Ministru hi lesta għal kollox’.

Fl-istess ħin, qed jingħad li l-grupp ta’ Ministri – Andrea Leadsom, Michel Gove, Liam Fox, Penny Mordaunt u Chris Grayling – iridu jippruvaw ibiddlu l-abbozz għall-ħruġ ta’ pajjiżhom mill-UE ‘f’xi ħaġa li kulħadd jista’ jappoġġjaha u li minnha jirbaħ kulħadd’.

Huma jridu bidla speċifika għall-aspetti li jikkonċernaw il-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq meta l-ebda naħa ma trid fruntiera (hard border) li tkun ikkontrollata kontinwament minn pulizija jew suldati minflok waħda li tippermetti għal movement aktar faċli.

Intant, sar qbil dwar pjan ‘riserva’ f’każ li Londra u l-UE ma jaslux għal ftehim kummerċjali li jippermetti għax-xewqa komuni. Il-pjan, magħruf bħala backstop, għandu jfisser li l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ alineata aktar mill-qrib ma’ xi regoli tal-UE mill-kumplament tar-Renju Unit u li skont il-kritiċi hi ‘xi ħaġa inaċċettabbli’.

F’każ li l-backstop ikun implimentat, ir-Renju Unit ma jkunx jista’ joħroġ minnu mingħajr il-kunsens tal-UE u issa, il-grupp tal-Ministri Britanniċi jidhru li jridu bidla fil-kliem tal-abbozz li tirrifletti possibbiltà ta’ teknoloġija ġdida jew ftehim għall-kummerċ ħieles, bħala alternattivi għall-issue tal-fruntiera Irlandiża.

L-indikazzjonijiet huma li Leadsom u l-Ministri l-oħrajn qed iħarsu lejn ‘ftehim fit-tul taż-żmien mal-UE’, bis-sorsi jissuġġerixxu li fin-nuqqas ta’ bidliet għall-abbozz tal-ftehim wieħed ma jeskludix għal ‘aktar riżenji’ mill-Kabinett ta’ May.