Żewġ żbalji fid-difiża li setgħu faċilment ġew evitati, ikkastigaw lit-tim nazzjonali Malti f’telfa ta’ 5-0 kontra l-Kosovo fl-Istadium Nazzjonali. Ir-riżultat finali jista’ jitqies kiefer għall-isforzi li għamel it-tim Malti fil-bidu tat-tieni taqsima.
Il-Kosovo fetħet l-iskor wara kwarta logħob. Kien żball ta’ JosephMbong li mil-lemin qassam ħażin għan-nofs, b’Ryan Camilleri jipprova jsalva mingħajr suċċess il-ballun, li spiċċa għand Vedat Muriqi li għeleb lil Andrew Hogg b’xutt fil-baxx mill-viċin fil-kaxxa. Fit-tieni taqsima t-tim Malti kien qed jikkmanda l-pussess tal-ballun u deher aħjar mill-avversarji, minkejja li l-gowlkiper avversarju ftit kien impenjat.
Il-kowċ Malti Ray Farrugia għamel sostituzzjoni doppja fl-64 minuta bid-dħul tal-attakkanti Michael Mifsud u Alfred Effiong flok Rowen Muscat u Juan Corbalan. Iżda sitt minuti wara l-Kosovo rduppjaw b’indeċiżjoni fid-difiża bejn Ryan Camilleri u Zach Muscat, bil-ballun jispiċċa għand Benjamin Kololli li qabbeż preċiż fuq Hogg mill-kaxxa.
Dan il-gowl qata’ saqajn il-plejers Maltin, bil-Kosovo jibqgħu jattakkaw u bejn it-78 u t-80 minuta Donis Avdijaj skorja doppjetta biex għamel l-iskor 4-0 f’azzjonijiet identiċi li fihom irċieva mil-lemin u għeleb lil Hogg mill-viċin. L-iskor kompla jikber fis-86 minuta b’Milot Rashica jiskorja l-ħames gowl b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li ħabtet ma’ sieq il-lasta qabel daħlet fix-xibka.
//= $special ?>