Sport Sport Ieħor

Alexander Zverev jaħsad lil Novak Djokovic u jirbaħ l-ATP Finals

(Ritratt: EPA)

Alexander Zverev wettaq sorpriża fil-finali tal-ATP Finals f’Londra meta għeleb lin-numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic f’żewġ sets 6-4, 6-3, biex kiseb l-iktar rebħa importanti fil-karriera tiegħu.

Ta’ 21 sena, Zverev sar l-iżgħar rebbieħ, fl-aħħar għaxar snin, ta’ dan it-tournament li fi tmiem l-istaġun ilaqqa’ l-aqwa tmien tennisti tad-dinja. Kien Djokovic għaxar snin ilu l-iżgħar rebbieħ meta s-Serb kien rebaħ l-ewwel titlu ATP Finals minn ħamsa li rebaħ b’kollox fil-karriera tiegħu. Zverev sar ukoll l-ewwel Ġermaniż sa mill-1995 li rebaħ dan it-tournament.

Novak Djokovic kien qed jipprova jilħaq lil Roger Federer li hu l-iktar tennista li rebaħ dan it-tournament, sitt darbiet b’kollox. Iżda Zverev donnu ried iħassar il-festi kemm ta’ Federer kif ukoll ta’ Djokovic, fejn Federer kien qed jipprova jirbaħ il-100 tournament tiegħu, iżda tilef kontra Zverev fis-semifinali, u l-istess ġralu Djokovic li b’hekk falla l-attentat li jilħaq lil Federer b’sitt suċċessi.

Novak Djokovic kien għadu qatt ma tilef is-service tiegħu matul dan it-tournament din is-sena, iżda Zverev irnexxielu jirbaħlu s-service darba fl-ewwel set u tliet darbiet fit-tieni set.

Tags