Lokali

Fearne jisfida lil ta’ Kastilja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u dawk ta’ madwaru f’Kastilja, ħaduha qatta’ bla ħabel kontra l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne li għal darb’oħra mar kontra l-politika ta’ Kastilja u nhar it-Tnejn li għadda laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni biex tkun diskussa l-Mozzjoni dwar ir-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Nhar it-Tnejn filgħaxija u fil-jiem ta’ wara kien hemm battibekki kontinwi bejn Kastilja u dawk ta’ Chris Fearne dwar id-deċiżjoni tal-Viċi Prim Ministru li jaċċetta li l-Parlament jiddiskuti – kif fil-fatt għamel – il-Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni t-Tnejn stess.

Filwaqt li ta’ Kastilja qablu li l-Gvern inqabad fuq sieq waħda dwar it-talba tal-Oppożizzjoni għal diskussjoni b’urġenza dwar din il-materja tant taħraq, huma qed isostnu li iżda, min-naħa tiegħu l-Viċi Prim Ministru suppost li jaf tajjeb li l-Gvern ma jilqax mill-ewwel it-talbiet li jsirulu mill-Oppożizzjoni għal diskussjoni b’mod immedjat dwar il-mozzjonijiet li jressaq.

Huma qed isostnu li din ma kenitx l-ewwel darba li l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne mar għal kollox kontra l-prassi li tuża Kastilja.

Skont ta’ Kastilja, dan intwera wkoll ftit tal-ġimgħat ilu meta Chris Fearne iddeċieda li jippubblika l-inkjesta dwar l-inċident tal-pazjent Għawdxi li miet f’Għawdex għaliex ma kienx hemm is-servizz tal-ħelikopter disponibbli.

Huma qed jgħidu li l-pubblikazzjoni ta’ tali inkjesta kien jistogħna sew invista tal-fatt li s-soltu Kastilja żżomm kull inkjesta milli tkun pubblikata, u kemm-il darba jkun hemm xi rapport li toħroġ, toħorġu b’paġni nieqsa jew ċensurat.

L-agħar fost dawn, id-deċiżjoni ta’ Kastilja biex sal-lum tibqa’ ma tagħtix lill-Kap tal-Oppożizzjoni r-rapport sħiħ tal-Inkjesta Maġisterjali magħmula mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija sigrieta ‘Egrant’, u dan minkejja t-talbiet ripetuti tal-Oppożizzjoni biex il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jkunu meqjusa fl-istess livell dwar l-informazzjoni disponibbli li toħroġ minn din l-Inkjesta Maġisterjali.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li ta’ Kastilja qed jitfgħu t-tort kollu fuq il-Viċi Prim Ministru Fearne għall-fatt li mbagħad fid-diskussjoni li saret fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda dwar il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni, żviluppat biex ħadd mill-kelliema tal-Gvern ma deher lest li joħroġ għonqu u jiddefendi kemm lil Konrad Mizzi u anki lil Keith Schembri li min-naħa tagħhom ukoll kienu urtati għal dan ix-xenarju.