Lokali

Raġel arrestat ‘b’arma tan-nar’ qrib l-Ajruport

Ir-raġel li prova jaqbeż il-fence weġġa' hekk kif qabeż għal ġol-barracks tal-Forzi Armati

Dalgħodu, il-Pulizija arrestat raġel f’Ħal Safi, fejn jidher li prova jidħol fil-barracks tas-suldati qrib il-mitjar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Skont sorsi li tkellmu ma’ NET News, jidher li r-raġel saq vettura Volkswagen ta’ lewn sewda taħt ċint fil-qrib, u prova jaqbeż il-fence għal ġewwa tal-barracks tas-suldati tal-Forzi Armati – fejn imbagħad ipprova jaħrab minn fuq il-post, iżda ġie arrestat aktar tard. Fuq il-post kellhom jissejjħu diversi vetturi tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u anke membri tal-Explosive Ordnance Disposal mill-Forzi Armati ta’ Malta. Fil-viċin ta’ fejn seħħ l-arrest hemm hangar ta’ kumpanija ta’ linja tal-ajru stabbilita.

L-istess sorsi qalu li r-raġel instab armat b’arma tan-nar, u fuqu kellu wkoll mobile u mazz ċwievet. S’issa l-pussess ta’ arma tan-nar għadha ma ġietx ikkonfermata minn naħa tal-Pulizija, hekk kif ingħatat biss informazzjoni dwar il-post tal-arrest u l-mod kif weġġa’ r-raġel.

Il-karozza li biha wasal fuq il-post

Ukoll, għadu mhux magħruf x’kien il-motiv wara dak li seħħ. Ma ħarġet informazzjoni dwar l-identità tal-persuna, u lanqas jekk huwiex Malti jew barrani.

Jidher li l-membri tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit malajr ikkontrollaw is-sitwazzjoni u l-persuna nżamm taħt arrest għall-aktar investigazzjonijiet. Madanakollu, kellha tissejjaħ ambulanza fuq il-post sabiex tieħu lill-persuna arrestata lejn l-isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa wara li sofra xi feriti hekk kif qabeż il-fence.

Fuq il-post issejħu wkoll mid-dipartiment tal-Explosive Ordnance Disposal