It-tema tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li se jkun qed jitlaqqa’ matul din il-ġimgħa u jagħlaq il-Ħadd li ġej, hi ‘Ġid għal kulħadd f’soċjetà li jimpurtaha’.
L-iskop ta’ dan il-Kunsill Ġenerali – li fih wieħed jawgura li ssir diskussjoni intelliġenti, serja u analitika – hu biex fin-nuqqas tal-Gvern li jippjana fit-tul u fir-realtà li ħafna qed jgħixu ħajja diffiċli għaliex id-dħul tagħhom mhux ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja, il-Partit Nazzjonalista se joħroġ b’numru ta’ proposti serji biex f’pajjiżna s-soċjetà jkun jimpurtaha minn kulħadd u hekk il-ġid li jinħoloq jitqassam bejn kulħadd.
Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista estensiva ma’ il-mument fisser li permezz ta’ dan il-Kunsill Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jistieden lil kulħadd għal diskussjoni oġġettiva dwar il-qagħda ta’ pajjiżna llum biex hekk ikun jista’ jinbena fuq sisien sodi l-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Clyde Puli qal li f’dan il-Kunsill Ġenerali Statutorju, il-Partit Nazzjonalista jrid juri l-viżjoni tiegħu biex ikollna soċjetà li jimpurtaha. B’mod partikulari, f’dan il-Kunsill Ġenerali l-Partit Nazzjonalista jrid li tkun diskussa t-tema ta’ għajxien deċenti għal kulħadd.
Soċjetà li jimpurtaha ma jkunx jimpurtaha biss minn ekonomija għaliha nnifisha, iżda jkun jimpurtaha minn ekonomija għall-benefiċċju tan-nies. Wieħed jieħu gost bit-tkabbir ekonomiku meta dan it-tkabbir ikun qiegħed jissarraf f’ġid għal kull Malti u Maltija.
Hu ċar li filwaqt li f’pajjiżna hawn min sejjer tajjeb u qed jimpala l-flus, hawn ħafna u ħafna nies oħrajn madwarna li mhux sejrin tajjeb, anzi qegħdin ibatu. Qed jikber l-għadd tan-nies li l-kwalità tal-ħajja tagħhom qiegħda titnaqqrilhom u dan mhux tajjeb għal pajjiżna.
Il-Gvern, u dan hu rifless ukoll minn Baġit wieħed wara ieħor, mhux jippjana fit-tul u minflok qed jagħżel li jadatta l-politika tiegħu għal-lum, skont il-mument.
Il-Partit Nazzjonalista qed jenfasizza li l-mudell politiku tal-Gvern għandu ħafna impatti, fosthom impatt fuq is-sostenibbiltà tal-ekonomija, impatt soċjali, impatt ambjentali u impatt infrastrutturali.
Il-Gvern qiegħed jibbaża ħafna mit-tkabbir ekonomiku fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni. F’dawn il-ħames snin ta’ Gvern Laburista, prattikament, il-popolazzjoni f’pajjiżna żdiedet b’10,000 persuna kull sena. F’ħames snin il-popolazzjoni ta’ pajjiżna żdiedet b’50,000 persuna.
Sadattant, f’pajjiżna għandna diversi setturi li hu ovvju, li ma humiex ippreparati għal dan l-influss ta’ persuni, filwaqt li bosta jkomplu jistaqsu, u bir-raġun kollu, kemm se tkompli tikber il-popolazzjoni ta’ pajjiżna.
Hu evidenti li l-Gvern ma għamel ebda studju dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni f’pajjiżna u l-impatt li dan qed iġib miegħu. Il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li invista ta’ dan ix-xenarju, hemm bżonn ta’ pjan fit-tul biex pajjiżna jkun jaf xi jrid jagħmel u fejn irid jasal.
Hu evidenti li filwaqt li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna żdiedet qatigħ, it-toroq baqgħu li kienu u llum għandna sitwazzjoni fejn kulħadd jaf x’qed jiġri fit-toroq tagħna. Kif qed taffettwa lil pajjiżna ż-żieda drastika ta’ karozzi fit-toroq tagħna? It-trasport pubbliku qiegħed ilaħħaq mad-domanda?
U dan kollu jġib miegħu numru ta’ problemi serji oħra fosthom it-tniġġis fl-arja fejn kulħadd jaf li għandna arja maħmuġa li qed tikkaġuna problemi serji ta’ saħħa.
Sadattant, qed tfalli wkoll is-sistema tar-riċiklaġġ tal-iskart…u dan kollu għaliex il-Gvern ma ppjanax fit-tul. Il-Gvern qed iżid il-popolazzjoni bla ma jagħti kas tan-numri x’qed jgħidulu u n-numri qed jgħidulu li pajjiżna qed ifalli bl-aktar mod goff f’diversi setturi.
L-istess diskors jgħodd ukoll għall-edukazzjoni għax filwaqt li sal-2012 konna nibnu skola ġdida kull sena, issa dan il-programm waqaf u fl-istess ħin, din is-sena kellna żieda ta’ 4,000 tifel u tifla fl-iskejjel.
Tqum ukoll il-problema tal-housing. Kollox jindika li se jkollna problemi serji hawnhekk ukoll. Illum hawn problema serja ħafna ta’ kirjiet. Iż-żgħażagħ, illum, bil-pagi li għandhom ma jistgħux jixtru l-proprjetà tagħhom. U kemm familji qed isibuha diffiċli biex ilaħħaqu mal-kirjiet dejjem jogħlew tar-residenzi fejn joqogħdu? Id-dħul tal-familja Maltija ma żdiedx bl-istess rata ta’ kif żdiedet il-kirja u l-għoli tal-ħajja u hawnhekk għandna problemi serji ħafna. Għandna stejjer ta’ persuni li filli kienu jħallsu €300 fix-xahar, imbagħad din żdiedet għal €600 fix-xahar u issa qed jintalbu jħallsu mad-€950 fix-xahar inkella jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Iżda l-Gvern għalih importanti li l-GDP ikompli jikber biex hekk ikun jista’ jkompli jaħbi dawn il-problemi kollha. Biss, kulħadd jaf ukoll li ladarba l-ekonomija ma tibqax tikber u tieqaf, allura mbagħad se jkollna problemi serji għaliex dawn il-problemi kollha jfeġġu f’daqqa.
F’dan ix-xenarju kollu l-Partit Nazzjonalista qiegħed iħeġġeġ biex isir bis-serjetà pjan ekonomiku tajjeb li jkun sostenibbli u fit-tul. Hu importanti li lejn pajjiżna jinġiebu wkoll investimenti ħalli jiżdied il-valur miżjud.
Jeħtieġ li f’pajjiżna jsir pjan serju u sħiħ għall-edukazzjoni, għall-infrastruttura, għas-saħħa, għal Għawdex, għat-tkattir tax-xogħol, għall-arja nadifa u għal toroq li jilqgħu aktar eluf ta’ karozzi fihom. Ma jistax ikun li pajjiżna, f’setturi varji, jispiċċa jinqabad f’morsa għas-sempliċi raġuni li l-Gvern jimpurtah biss mill-GDP.
Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hi għal soċjetà li jkun jimpurtaha. Irridu pajjiż li jimpurtah mill-futur tiegħu billi jkompli jevolvi. Iżda ma nistgħux nitilfu l-valuri tas-solidarjetà u s-sostenibbiltà.
Sadattant, din l-analiżi kollha trid issir ukoll fid-dawl tal-fatt li fil-preżent qed ikomplu joħorġu fatti li jinkwetaw lil kulħadd għaliex il-Gvern mhux imexxi tajjeb. Il-fatti ġodda dwar il-kumpanija sigrieta ’17 Black’ juru biċ-ċar li dan il-Gvern, b’għemilu, qiegħed jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Clyde Puli kompla jgħid li pajjiżna llum aktar minn qatt qabel, qiegħed jintlaqat ħażin kaġun tar-reputazzjoni ħażina li qed tkompli tixxettel frott it-tmexxija ħażina tal-Gvern. Id-diskorsi dwar il-korruzzjoni huma diskorsi ripetuti għaliex hemm bażi serja dwarhom li qed twassal lil min irid jinvesti biex minflok jiġi Malta, jagħżel destinazzjonijiet oħrajn fl-Ewropa u fil-Mediterran stess.
Illum kulħadd qiegħed isegwi l-kwistjoni dwar il-Brexit, iżda flok ma pajjiżna qiegħed jaħtaf il-benefiċċji li qed jirriżultaw minn dan ix-xenarju, qed naraw kumpaniji jxolju mir-Renju Unit u minflok jiġu Malta, imorru f’pajjiżi bħal Franza.
Il-Gvern mhux jippjana fit-tul u dan qiegħed ikollu effetti negattivi fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Hi ħasra li l-Gvern ma għandux pjan serju biex jattira lejn pajjiżna setturi li jkunu joffru xogħol ta’ kwalità itjeb u minflok qiegħed ikompli jikkundanna aktar nies għaċ-cheap labour.
Clyde Puli stqarr li hi ħasra kif għandna Gvern li jiftaħar bit-tkabbir tal-GDP u tal-ekonomija u fl-istess waqt il-but tal-ħaddiem Malti u tal-familja Maltija qed ikompli jitnaqqar.
Iva, pajjiżna għandu bżonn ta’ pjan ġdid biex tkun restawrata r-reputazzjoni tiegħu, inkella pajjiżna se jkompli jbati bl-aktar mod serju.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista temm l-intervista bi stedina lil kulħadd biex jipparteċipa f’dan il-Kunsill Ġenerali li fih għandha tiżviluppa diskussjoni u analiżi serja li sservi ta’ ġid għal pajjiżna, li għandu bżonn pjan fit-tul u serju għall-benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ħejja dan id-dokument dettaljat b’għadd ta’ proposti serji li dwarhom se tkun qed issir din id-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali.