Lokali

“Jagħmel ħsara lil Malta min qed jagħmel il-korruzzjoni u mhux min jiddefendi isem pajjiżna” – Adrian Delia f’Tas-Sliema

“Qed jagħmel ħsara lil Malta min qed jagħmel il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u mhux min dejjem jiddefendi isem pajjiżna barra minn xtutna wkoll.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika f’Tas-Sliema.

Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jinsisti li se joqgħod fuq ir-riżultat tal-inkjesta minflok jiddeċiedi li jiddefendi r-reputazzjoni ta’ Malta, u dan meta l-Prim Ministru stess qed iwaqqaf l-inkjesti bl-appelli.

Huwa qal li m’hemm xejn xi jżomm lil Joseph Muscat milli jkeċċi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi meta quddiemu għandu sensiela ta’ fatti. Dan wara li l-midja kienet irrappurtat il-konnessjoni bejn il-kumpanija misterjuża 17 Black u l-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, li, permezz ta’ Nexia BT kienu qalu li kellhom jirċievu €150,000 kull xahar kull wieħed mingħand 17 Black.

Il-Kap tal-PN qal li għal kuntrarju ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi hu m’għandux x’jaħbi, m’għandux kumpaniji barra minn Malta u qatt ma ħasel il-flus. Huwa stieden lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jekk u meta jrid jinvestigah.

Adrian Delia qal li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-Partit Laburista kien jitkellem biss fuq il-bżonn li tinbena power station ġdida. Huwa qal li issa nafu li riedu jibnu l-power station sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-korruzzjoni, għaliex mhux veru li n-nies qed jirċievu kontijiet orħos iżda jirriżulta li 80% tal-familji qegħdin jirċievu kontijiet aktar għoljin u aktar spissi. Il-Kap tal-PN qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jagħti lura l-flus kollha li l-Gvern qiegħed jisraq lin-nies mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-reputazzjoni ta’ Malta issa ilha taqla’ d-daqqiet waħda wara l-oħra f’sensiela ta’ fatti li qed jagħmlu ħsara kbira b’mod speċjali lis-settur tas-servizzi finanzjarji li joffri x-xogħol liż-żgħażagħ u l-professjonisti.

Adrian Delia qal li rapport Ewropew qed jappella biex jieqfu l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza minħabba l-problemi serji li jistgħu iwasslu għall-ħasil tal-flus. Dan ir-rapport tal-Parlament Ewropew huwa ibbażat fuq il-konklużjonijiet tal-OECD, li fil-ġimgħat li għaddew poġġiet lil Malta fuq il-lista s-sewda u dan minħabba l-bejgħ tal-passaporti. Huwa qal li min hu nazzjonalist ma jbiegħx lil pajjiżu, iżda jkun patrijott li qatt ma jiċħad lil art twelidu.

Kompla li Joseph Muscat qed iwaqqa’ r-reputazzjoni ta’ Malta bil-kbir u bil-fatti, speċjalment meta mhux qiegħed ikun trasparenti f’każijiet bħalma hija s-saga tal-bank Satabank. Huwa qal li dwar dan il-każ għandha tinstab soluzzjoni u jkun hemm trasparenza u komunikazzjoni ferm aktar effettiv. Dan għaliex diversi kumpaniji jinsabu iġġamjati u familji mhux qed jirċievu l-paga minħabba li m’għandhomx aċċess għall-kont bankarju tagħhom.

Adrian Delia qal li għada se jibda jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li din is-sena se jkollu t-tema Ġid għal Kulħadd f’Soċjetà li Jimpurtaha. Il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiddiskuti dokument ta’ analiżi u viżjoni ekonomika għal Malta li jipproponi pjan fit-tul li huwa ibbażat fuq soċjetà li jimpurtaha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li matul dan il-Kunsill Ġenerali, il-partit se jkun qed jitkellem fuq 4,200 negozju li qed jagħlqu, 72,000 persuna li jinsabu fil-faqar finanzjarju u 3,200 li jinsabu fuq il-lista tal-istennija biex ikollhom fejn jgħixu. Huwa qal li Gvern Nazzjonalista se jara li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u għajxien diċenti. Il-Kunsill Ġenerali se jibqa’ jiltaqa’ kuljum minn għada sal-Ħadd 25 ta’ Novembru bl-għeluq tal-aħħar sessjoni bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.