Futbol Sport

L-Iżvizzera tirbaħ kontra l-Belġju b’rimonta mill-aqwa u tavvanza għas-semifinali tal-UEFA Nations League

(Ritratt: EPA)
L-Iżvizzeri jingħaqdu mal-Ingilterra u l-Portugall mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni

L-Ingilterra u l-Iżvizzera ngħaqdu mal-Portugall għall-fażi finali tal-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League, meta rebħu l-konfronti kontra l-Kroazja u l-Belġju rispettivament.

L-Iżvizzera wettqu rimonta inkredibbli meta għelbu lill-Belġju 5-2. L-Iżvizzera riedet rebħa ta’ iktar minn żewġ gowls biex tikkwalifika, xi ħaġa li dehret impossibli meta l-Belġjani bnew vantaġġ doppju sas-17-il minuta b’doppjetta ta’ Thorgan Hazard.

Ir-rimonta Żvizzera bdiet fis-26 minuta b’penalty skorjat minn Rodriguez u sa tmiem l-ewwel taqsima l-Iżvizzera marru minn fuq b’doppjetta ta’ Seferovic. Fit-62 minuta Nico Elvedi għamel l-iskor 4-2, u sitt minuti mit-tmiem Haris Seferovic għaqqad it-tripletta meta skorja l-ħames gowl deċiżiv li poġġa lill-Iżvizzera mal-aħħar erbgħa.

F’Wembley Stadium, l-Ingilterra kisbu tpattija sportiva fuq il-Kroazja meta b’gowl ta’ Harry Kane lejn it-tmiem għelbu lill-Kroati 2-1, li kienu eliminaw lill-Ingilterra fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja f’Ġunju li għadda fir-Russja.

L-Ingilterra kellhom diversi ċansijiet ta’ skor fl-ewwel taqsima, iżda l-Kroati rreżistew bl-ewwel taqsima tintemm mingħajr gowls. Fis-57 minuta Andrej Kramaric fetaħ l-iskor għall-Kroazja, u l-Ingilterra kellhom jistennew sat-78 minuta biex kisbu l-gowl tad-draw meta Lingard kompla għal ġewwa mill-viċin. Ħames minuti mit-tmiem kien Harry Kane li mill-viċin mattar siequ biex poġġa lill-Ingilterra fil-fażi finali.