Lokali

“Ningħaqdu biex niġġieldu l-korruzzjoni”

“Meta tmissilhom il-flus jifferoċjaw” – David Casa

Sitt ġimgħat ilu David Casa qal li l-esponenti tal-Gvern kienu jafu ta’ min hi 17 Black, u li l-istorja dalwaqt se joħroġ. Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew qal li l-ġurnalisti ta’ Daphne Project kienu diġa’ bagħtu mistoqsijiet dwar 17 Black lil Konrad Mizzi, Keith Schembri  u lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

“Kont diġa’ għamilt kuntatt mal-bank fid-Dubai u kienu diġa’ iffriżaw il-flus għax kienu ġejjin minn serq. Miljuni huma tagħkom li taħdmu, tħallsu t-taxxi u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma,” qal David Casa.

Kompla li meta kienu ffriżati l-kontijiet, hu kien fil-mira ta’ diversi attakki; mill-FIAU, mill-avukati ta’ Keith Schembri, minn Pilatus Bank  li issa hu magħluq u saħansitra jinkoraġixxu attivisti sabiex jiġi eliminat. “Malli ġew iffriżati l-kontijiet, ma’ waqfux jipprovaw iħammġulu ismi. Stennejt li se tiġri xi ħaġa hekk iżda qatt ma stajt nimmaġina liema livell setgħu jaslu,” tenna David Casa.

David Casa tenna li se jkompli għaddej bl-enerġija kollha tiegħu u se jkompli jaħdem biex iwaqqaf lil min irid jisraq.  Hu rringrazzja lill-Kap tal-PN Adrian Delia, it-tmexxija tal-Partit u l-kandidati kollha.

“Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalita’ għaqqdet lill-partit kollu. M’għandniex għażla ħlief li nkomplu l-ħidma tagħna biex niġġieldu l-korruzzjoni,” qal David Casa

 

“L-Aqwa żmien hu għal Konrad Mizzi u Keith Schembri” – Michael Briguglio

“L-ispettru tal-Panama Papers għadnu fostna permezz ta’ 17 Black. Dan hu l-aqwa żmien għal Konrad Mizzi u Keith Schembri. Qabblu s-snin ta’ xogħol li jagħmel ħaddiem, li qed jibża’ li jiġi żgumbrat u dawn it-tnejn li  kienu se jdaħħlu €5,000 KULJUM.”

Sostna dan il-Kunsillier tal-PN f’Tas-Sliema u Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio waqt li kien qed jindirizza l-attivita’ politika f’Tas-Sliema.

Hu qal li l-Gvern li suppost jisma’ ma jismax mill-unions u mill-esperti fix-xjenzi soċjali dwar l-għoli tal-ħajja. Kompla li Joseph Muscat issa m’għadux jitkellem fuq xogħol prekarju, li kompla jiżdied.

Michael Briguglio qal li l-budget qed jaħrab mill-problema tax-xiri u l-kera ta’ propjeta’.ikollhom jibqgħu jgħixu mal-ġenituri għax il-prezzijiet għolew wisq. “Hawn mijiet li qed jgħixu f’garaxxijiet, l-iżgumbrament qed jiżdied u l-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh,” sostna Michael Briguglio. Min-naħa l-oħra, lill-klikka, il-Gvern għaġġel kemm felaħ biex jaqdihom.

 

“Tas-Sliema abbandunata mill-Gvern” – Anthony Chircop

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop qal li l-Gvern abbanduna lil Tas-Sliema u jiftakar biss fiha meta xi ħaġa tkun tar-residenti bi dritt  jara kif jeħodha.  Hu rrefera għall-iskema ta’ parkeġġ għar-residenzi li hemm f’diversi lokalitajiet. “Iżda meta ġejna biex nagħmluha aħna, il-Gvern saħansitra ħareġ Avviż Legali biex iwaqqafna.”

Kompla li l-Aħħar xogħol ta’ titjib fil-lokalita’ sar fi żmien Gvern Nazzjonalista. Gvern Laburista  m’għamel xejn, saħansitra lanqas interventi ta’ preparazzjoni għall-proġett tal-Kappara bħalma saru f’lokalitajiet oħra. “Kull xogħol li sar ġo Tas-Sliema, sar mill-fondi limitati tal-Kunsill.”

Anthony Chircop irrefera wkoll għall-White Paper dwar il-Kunsilli Lokali fejn il-Gvern għażel li jwarrab iktar minn 80 proposta fattibbli li tressqu mill-Partit Nazzjonalista.  “ Dan juri biċ-ċar li l-Gvern hu determinat li jeqred il-ftit saħħa li fadlilhom il-Kunsilli Lokali,” sostna s-Sindku ta’ Tas-Sliema