Lokali

RITRATTI: Tliet anzjani l-isptar kawża tan-nirien f’Ħal Luqa; wieħed minnhom isofri minn ġrieħi gravi

In-nar tal-bieraħ ħalla tliet anzjani l-Isptar kaġun tad-dħaħen illi belgħu.

Il-Pulizija kkonfermat li raġel ta’ 71 sena qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li mara ta’ 71 sena u raġel ta’ 90 sena qed isofru minn ġrieħi ħfief minħabba l-ħruq u d-dħaħen.

Kien għall-ħabta tal-5:30pm x’ħin ġie rrapurtat ħruq f’garaxx taħt residenza fi Triq Wesgħet il-Vittmi tal-Gwerra, viċin l-iskola primarja f’Ħal Luqa li fih ikun hemm presepji u wirjiet simili minn żmien għall-ieħor.

Jidher li kien hemm raġel li ġie salvat mill-ewwel filwaqt li mara u kelb ġew salvati aktar tard. Ġew salvati wkoll xi għasafar.

Rapporti qed jgħidu li l-mara żammet komunikazzjoni permezz tal-mobile mat-tifel tagħha sakemm ġiet salvata.

Il-pulizija flimkien ma’ membri tal-Protezzjoni Ċivili daħlu fil-garaxx minn residenza oħra li tinsab maġenb dan il-garaxx billi sgassawlha l-bieb.

Fil-post kien hemm ukoll tabib li ta l-ewwel għajnuna.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ.

Ritratti: Matthew Tabone