Knisja Kultura Lokali

200 sena mill-wasla tal-vara ta’ Santa Katarina

Għaż-Żrieraq din is-sena hija waħda importanti għaliex qed ikunu iċċelebrati anniversarji importanti marbuta mal-ħajja tal-parroċċa taż-Żurrieq.

Din is-sena qed ikunu mfakkra l-400 sena minn mindu l-parroċċa saret matriċi, 125 sena minn meta ingħata t-titlu ta’ Arċipretali, u l-200 sena mill-wasla tal-vara titulari ta’ Santa Katarina, padruna taż-Żurrieq.

L-attivitajiet ilhom għaddejin tul is-sena kollha u issa qed jilħqu l-qofol tagħhom matul din il-ġimgħa, ġimgħa li se twassal għall-25 ta’ Novembru, l-ġurnata tal-festa liturġika ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra.

Il-Ħadd sar pellegrinaġġ devozzjonali li beda mill-Knisja Parrokjali dedikata lil Santa Katarina.

L-attivitajiet se jkompli tul din il-ġimgħa kemm ġewwa l-Knisja kif ukoll fuq barra b’attivitajiet organizzati mis-Soċjeta’ Mużikali Santa Katarina.

Fost l-oħrajn se jkun inawgurat mill-ġdid monument ta’ Santa Katarina li ġie restawrat u li jinsab fit-triq li ġġib l-isem l-istess padruna tar-raħal.

Se jkun organizzat ukoll il-marċ tradizzjonali magħruf bħala tal-aħħar tridu nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru kif ukoll festival tal-baned nhar is-Sibt 24 ta’ Novembru.

Il-qofol imbagħad jintlaħaq b’quddiesa pontifikali nhar il-festa fil-25 ta’ Novembru, quddiesa li se titmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.