Il-Prim Ministru Ingliża Theresa May wissiet li jekk titneħħa mill-kariga, bħal m’hemm xi wħud fil-Partit Konservattiv li tmexxi li jridu jagħmlu, dan ma kienx se jiffaċilita l-Brexit, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern ta’ May fi tmiem il-ġimgħa kien mheżżeż minn sensiela ta’ riżenji hekk kif tħabbar li kien intlaħaq qbil mal-Unjoni Ewropea għat-terminu tat-tluq tar-Renju Unit minn membru.
Kien hemm min ukoll mill-Partit Konservattiv ressaq vot ta’ sfiduċja kontriha imma May kienet fiduċjuża li dan ma kienx se jseħħ.
Id-destin ta’ May hu f’idejn dak li hu magħruf bħala n-1922 committee, grupp ta’ Membri Parlamentari Konservattivi. Biex ikun hemm vot ta’ sfiduċja kontra May, dan il-kumitat irid jirċievi ittri favur il-vot ta’ sfiduċja minn 48 Membru Parlamentari Konservattiv, u dan ikun jafu biss iċ-chairman tal-grupp, Sir Graham Brady.
F’waħda mill-ħafna intervisti li tat ilbieraħ, May qalet li sa fejn taf hi, ma kinux intbagħtu 48 ittra jitolbu għall-vot bħalma hemm bżonn.
Hi qalet li dak li kien qed jiġri ma kienx dwarha u l-poter politiku imma l-ġejjieni tal-poplu tar-Renju Unit.
Min-naħa l-oħra Jeremy Corbyn, il-mexxej tal-Partit Laburista fl-oppożizzjoni, filwaqt li qal li hu kien kapaċi jikseb ftehim aħjar mal-Unjoni Ewropea, ammetta f’intervisti li sarulu li ma kienx qara l-abbozz kollu tal-ftehim li sar. Hu wkoll eskluda l-possibbiltà li jerġa’ jsir referendum ieħor. Imma hu ma eskludiex li dan jista’ jseħħ fil-ġejjieni.
Id-destin ta’ May hu f’idejn dak li hu magħruf bħala n-1922 committee, grupp ta’ Membri Parlamentari Konservattivi. Biex ikun hemm vot ta’ sfiduċja kontra May, dan il-kumitat irid jirċievi ittri favur il-vot ta’ sfiduċja minn 48 Membru Parlamentari Konservattiv, u dan ikun jafu biss iċ-chairman tal-grupp, Sir Graham Brady.
Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, din il-ġimgħa qal li fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi kien se jsejjaħ summit speċjali għall-25 ta’ Novembru biex il-mexxejja tal-UE jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għall-ftehim.
Hu iżda li ma jeskludix li jinqalgħu xi intoppi tal-aħħar peress li minn minuta għal oħra s-sitwazzjoni politika fir-Renju Unit kienet qed tinbidel.
//= $special ?>

