Futbol Sport

Gowl lejn it-tmiem ta’ Virgil van Dijk ipoġġi lit-tim Olandiż fil-fażi finali tal-UEFA Nations League

(Ritratt: EPA)

Virgil van Dijk skorja gowl drammatiku biex poġġa lit-tim nazzjonali Olandiż fil-fażi finali tal-UEFA Nations League, bl-Olanda tispiċċa 2-2 kontra l-Ġermanja. It-tim ta’ Ronald Koeman beda l-logħba jaf li draw jpoġġihom fil-quċċata ta’ Grupp A1 fuq Franza wara r-rebħa ta’ ftit jiem ilu kontra ċ-champions tad-dinja.

Din il-mira saret diffiċli wara li l-Ġermanja kisbet vantaġġ doppju wara 20 minuta. L-ewwel kien Timo Werner li fetaħ l-iskor wara disa’ minuti b’xutt minn barra l-kaxxa li għeleb lil Jasper Cillessen. Għaxar minuti wara kien Leroy Sane li rdoppja b’xutt fil-baxx li kien imxellef.

B’hekk il-Ġermaniżi dehru resqin biex jagħlqu l-UEFA Nations League fuq nota pożittiva wara li kienu diġà konfermati li se jkunu relegati. Iżda l-Olanda kellha ħsieb ieħor u fil-85 minuta Quincy Promes naqqas id-distakk b’xutt meqjus għar-rokna minn pożizzjoni ċentrali li ma tax ċans lil Neuer, biex fid-90 minuta d-difensur u captain Virgil van Dijk skorja b’xutt mill-ewwel biex bidel il-klassifika u poġġa lill-pajjiżu fil-quċċata.

L-Olanda tingħaqad mal-Ingilterra, il-Portugall u l-Iżvizzera fil-polza li ssir f’Dublin fit-3 ta’ Diċembru, bis-semifinali u l-finali jintlagħbu s-sajf li ġej.

Fi Grupp B1, ir-Repubblika Ċeka temmet l-impenji tagħha fit-tieni post b’rebħa ta’ 1-0 fuq is-Slovakkja li b’hekk kienet konfermata relegata għal Diviżjoni Ċ. L-attakant Patrik Schick skorja l-gowl tar-rebħa fit-32 minuta meta għeleb in-nasba tal-offside, avvanza u daħal fil-kaxxa biex qabbeż il-ballun fuq il-gowlkiper avversarju.

Minn Grupp B4, id-Danimarka spiċċat 0-0 kontra l-Irlanda, f’logħba li ftit kellha sinifikat minħabba li qabel il-logħba kollox kien deċiż fil-grupp, bid-Daniżi se jilagħbu f’Diviżjoni A u l-Irlanda se tilgħab f’Diviżjoni Ċ fl-edizzjoni li jmiss.

Mhux l-istess jista’ jingħad fi Grupp Ċ2, bin-Norveġja tispiċċa rebbieħa tal-grupp wara li għelbet lil Ċipru 2-0 b’doppjetta ta’ Ola Kamara. In-nazzjon l-ieħor li kien biċ-ċans kien il-Bulgarija, iżda huma naqsu li jirbħu kontra s-Slovenja u spiċċaw 1-1. Galin Ivanov kien fetaħ l-iskor fit-68 minuta iżda Miha Zajc ġab id-draw seba’ minuti wara.

Georgia u l-Maċedonja se jkunu promossi għal Diviżjoni Ċ wara li spiċċaw rebbieħa ta’ Grupp D1 u D4 rispettivament. Fl-aħħar impenn tagħhom, Georgia rebħet 2-1 kontra l-Kazakhstan b’gowls ta’ Giorgi Merebashvili u Giorgi Chakvetadze, b’Oralkhan Omirtayev inaqqas id-distakk lejn it-tmiem. Il-Maċedonja rebħet 4-0 kontra Ġibiltà, b’gowls ta’ Enis Bardhi, doppjetta ta’ Ilija Nestorovski u gowl lejn it-tmiem ta’ Aleksandar Trajkovski.

Riżultati mill-UEFA Nations League

Diviżjoni A Grupp 1 – Ġermanja v Olanda 2-2

Diviżjoni B Grupp 1 – Repubblika Ċeka v Slovakkja 1-0

Diviżjoni B Grupp 4 – Danimarka v Irlanda 0-0

Diviżjoni Ċ Grupp 3 – Bulgarija v Slovenja 1-1 , Ċipru v Norveġja 0-2

Diviżjoni D Grupp 1 – Andorra v Latvja 0-0 , Georgia v Kazakhstan 2-1

Diviżjoni D Grupp 4 – Maċedonja v Ġibiltà 4-0 , Liechtenstein v Armenja 2-2