Futbol Sport

It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena megħlub mill-Albanija lejn it-tmiem

ALBANIJA U21………………. 3   MALTA U21……………….. 2

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kien megħlub mill-Albanija b’gowl lejn it-tmiem, fit-tieni partita ta’ ħbiberija wara l-logħba tal-Ġimgħa. F’din il-logħba li ntlagħbet f’xita kontinwa, it-tim Malti kellu prestazzjoni aħjar u l-kowċ Silvio Vella żgur li kien kuntent bit-titjib li ra.

Spikkaw fost l-oħrajn il-plejer ta’ Valletta Jean Borg li mexxa d-difiża Maltija, il-captain u plejer ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier li kellu logħba tajba f’nofs il-grawnd u l-plejer ta’ Mosta Zachary Brincat li skorja doppjetta.

L-Albanija fetħet l-iskor fil-11-il minuta b’Shefit Shefiti jiskorja mill-qrib wara free-kick maħdum tajjeb. Ir-risposta Maltija waslet tliet minuti wara b’xutt ta’ Kurt Shaw li għadda fuq il-lasta. Iż-żgħażagħ Maltin ġabu d-draw fis-37 minuta b’Matthew Guillaumier isib lill-iżmarkat Zachary Brincat li żamm il-kalma biex għeleb lill-gowlkiper avversarju.

L-Albanija laqtet il-lasta fil-50 minuta bi free-kick ta’ Shefiti, iżda f’nofs it-tieni taqsima t-tim Malti mar minn fuq. Kien korner mil-lemin ta’ Myles Beerman li spiċċa għand Zachary Brincat li skorja b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka.

It-tim Malti tilef il-vantaġġ fis-76 minuta b’penalty meqjus dubjuż li kien skorjat minn Shefiti. L-Albanija skorjat il-gowl tar-rebħa tliet minuti mit-tmiem, bis-sostitut Rubin Hebaj li kien f’pożizzjoni dubjuża ferm ta’ offside, avvanza u qabbeż fuq Andreas Vella.

Malta: A. Vella, M. Sansone, C. Zammit, K. Shaw, N. Pulis, J. Borg, A. Friggieri (A. Borg 72’), J. Zerafa, Z. Brincat (J. Tanti 89’), M. Guillaumier, M. Beerman