Futbol Sport

Jekk nevitaw l-aħħar post fil-grupp ma nkunx kuntent imma jkun pass fid-direzzjoni t-tajba – Ray Farrugia

(Ritratt: Martin Agius)

Determinazzjoni kbira fuq wiċċ il-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia qabel il-partita ta’ għada kontra l-Gżejjer Faroe. Wara t-telfa kbira kontra l-Kosovo s-Sibt li għadda, l-akbar biċċa xogħol li kellu Farrugia kien li jgħolli l-moral tiegħu u tal-plejers qabel l-aħħar konfront fil-UEFA Nations League.

Il-kowċ nazzjonali għandu mira ċara, dik li jevita l-aħħar post fi Grupp D3. Iżda biex iseħħ dan, Malta trid tegħleb bilfors lill-Gżejjer Faroe. Farrugia sejjaħ ir-reazzjoni tal-plejers wara t-telfa tal-Kosovo bħala fantastika u qal li hu tajjeb li hemm logħba daqshekk viċin.

Kemm ilha tikkompeti f’diversi fażijiet ta’ kwalifikazzjoni, Malta dejjem spiċċat l-aħħar fil-grupp tagħha u dan għandu jservi ta’ inċentiv ieħor għat-tim Malti biex joħroġ aktar determinat u jikseb riżultat pożittiv. Farrugia evalwa l-prestazzjonijiet ta’ dan il-grupp u qal li apparti t-telfa kontra l-Kosovo, hu ra titjib. Ray Farrugia qal li jekk wieħed iħares lejn Diviżjoni D, Malta kienet fl-itqal grupp.

Farrugia stqarr li jekk Malta tevita l-aħħar post ma jkunx kuntent għaliex irid jispiċċa l-ewwel, iżda qal li jkun pass fid-direzzjoni t-tajba.

Mistoqsi minn In-Nazzjon jekk tagħmilx differenza jekk it-telfa tkunx ta’ 2-0 jew 5-0, Farrugia qal li f’dik il-logħba iddeċieda li jattakka aktar u sostna li dan il-pjan ma ħadimx minħabba żbalji individwali. “Aħna kollha esperti, biex tikkritika hu faċli. Is-sostituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni t-tajba. Aħna qed nippruvaw nagħmlu bidla u se nibqgħu nippruvaw. Ma jfissirx li għax ma ħadmitx l-aħħar darba mhux se taħdem id-darba li jmiss.”

Farrugia kompla li l-unika ħaġa nieqsa fit-tim Malti hi li jrid jibdel il-menalità u t-tim nazzjonali jrid jemmen aktar fih innifsu. “Jien mhux se narmi x-xugaman u se nibqa’ nissielet. Jien ġenwinament nemmen fil-futbol Malti.” kompla b’determinazzjoni Farrugia.

Il-kowċ nazzjonali se jkollu lura lid-difensuri Andrei Agius u Steve Borg li se jerġgħu jidħlu fit-tim wara s-sospensjoni li kellhom u kkonferma wkoll li ż-żgħażagħ Juan Corbalan u Joseph Mbong se jkunu fil-formazzjoni inizjali. Iżda Farrugia għadu mhux deċiż fuq il-11-il plejer li se jibdew il-logħba ta’ għada minħabba xi dubji li għandu fuq xi plejers. Nieqes se jkun hemm Alfred Effiong li hu sospiż, b’Farrugia jiddikjara li għandu żewġ pjanijiet għal din il-logħba u għandu l-ħsieb li jużahom it-tnejn fil-partita.

Preżenti wkoll, il-midfielder Rowen Muscat li afferma li f’dan il-livell ma jistgħux isiru żbalji individwali kif ġara fl-aħħar logħba. Hu qal li sa siegħa logħob kollox kien f’postu u t-tim kien fil-kontroll. Muscat irrefera wkoll għaż-żewġ bidliet fejn qabel mad-deċiżjonijiet f’dak il-ħin għaliex jaħseb li t-tim Malti kellu bżonn punt ta’ riferiment fl-attakk.