Illum ingħata bidu għaċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni għal studenti universitarji li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom.
Matul l-ewwel żewġ ċerimonji, iggradwaw madwar 200 student mill-Fakultà tal-Ekonomija, tal-Management u tal-Accountancy. Bl-ikbar ammont ta’ studenti, madwar 100, se jiggradwaw fl-Accountancy b’Masters.
Fiċ-ċerimonji saru diskorsi minn Mario Thomas Vassallo, Lecturer fid-Dipartiment tal-Pulic Policy u Emanuel Said, Lecturer fil-Fakultà tal-Ekonomija, Managment u Accountancy.
Id-diskors ta’ Mario Thomas Vassallo kien wieħed iebes ħafna – hu sostna li l-istorja ta’ pajjiżna wriet li l-poplu jaf ixomm ir-riħa ta’ korruzzjoni, u jinduna b’min qed jisserva bih minflok iservih. Fiż-żminijiet tal-lum qed naraw nies ivvizzjati b’attitudni ċinika, egoiżmu, rgħiba u arroganza, sostna Vassallo. Dan għax jaħsbu li għandhom dritt divin biex jibqghu imexxu lil pajjiżna.
Hu saħaq li minkejja dan iż-żmien li qed ngħixu fih, hu għandu t-tama. Tama li terġa’ titnissel il-fiduċja tan-nies fl-awtoritajiet ta’ pajjiżna. Hu ħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jużaw l-għerf tagħhom biex jirriformaw l-istrutturi ta’ pajjiżna.
Mario Thomas Vassallo temm id-diskors tiegħu billi stqarr li jinsab konvint li dawn il-gradwati ġodda għandhom il-kredenzjali kollha biex jagħmlu bidla għall-aħjar.
Min-naħa tiegħu Emanuel Said awgura lill-gradwati kollha kull suċċess fil-karriera tagħhom. Hu qal illi r-reputazzjoni hija importanti ħafna… mingħajr reputazzjoni tajba ma tkunx tista’ tibni relazzjonijiet.
Sostna li għandhom ikunu kawti f’dak kollu li jagħmlu u jgħidu. B’hekk biss jistgħu jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom.
Intant, wara li jintemmu l-gradwazzjonijiet fil-Knisja tal-Ġiżwiti, imbagħad jingħata bidu għal ċerimonji oħra ta’ gradwazzjoni din id-darba fis-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta.
//= $special ?>
