Lokali

Joseph-Michael Baldacchino jirriżenja minn żewġ karigi

Attwalment fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi għaddejjin tliet inkjesti

“I have just tendered in my resignation as CEO of AWAS, and Acting Head of Detention Services.” Hekk tibda l-ittra tar-riżenja miktuba nhar il-Ġimgħa li għadda minn Joseph-Michael Baldacchino, li rriżenja mill-karigi ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed Ifittxu l-Asil (AWAS) u minn Aġent Kap tas-Servizzi fiċ-Ċentri tad-Detenzjoni.

Din ir-riżenja segwiet rapporti fil-ġurnal In-Nazzjon dwar intriċċi u taħwid fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi. Liema intriċċi u taħwid kbir qed iwasslu għal skuntentizzi kbar fost l-impjegati.
Fl-ittra tar-riżenja Joseph-Michael Baldacchino stqarr li: “It has been a pleasure working with you, and I assure you I take away fond memories with me from my time spent as Acting Head of DS.”

Hu żied: “Please inform and cascade this message to all staff at DS. For obvious reasons, I would suggest you inform your staff that I am no longer with DS, and thus, I will not be involved in any decisions henceforth.”

Din l-aħbar, li niżlet ħażin ma’ ħafna impjegati, kompliet tkabbar il-problemi fost ħafna ħaddiema fiċ-Ċentri tad-Detenzjoni, fosthom f’dak ta’ Ħal Safi, fejn wara li żvelajna ftit mill-abbużi li sirna nafu bihom, ġejna infurmati li fil-Ministeru għall-Intern xejn ma ħadu gost li dawn l-abbużi spiċċaw imperrċa fil-midja.

Jidher li l-Ministru Michael Farrugia mhux lest li la joħroġ għonqu għal min għamel sensiela ta’ avvanzi sesswali u lanqas lest jaħraq lilu nnifsu għal min jaċċetta ċerti affarijiet fl-istess Ċentru tad-Detenzjoni…fosthom l-abbużi mis-sahra, il-prattika ta’ mġiba xejn korretta fil-post tax-xogħol bħal żfin fuq l-imwejjed, il-prattika ta’ logħob waqt il-ħin tax-xogħol tal-ouija board, it-theddid ta’ magħmulijiet lil terzi persuni, l-arranġamenti biex jittieħdu klieb fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni biex ikunu mgħammra hemmhekk.

Sorsi ġodda li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi hemm biss disa’ immigranti irregolari…u għadd relattivament ta’ impjegati sal-punt li tant ma jkollhomx x’jagħmlu li jkun hemm min minnhom li jgħaddi l-ħin jara l-films f’xi uffiċċju. U min qiegħed fit-tmexxija taċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi dan tafu tajjeb… u taf ukoll x’tip ta’ films ikunu qed jaraw f’ċerti uffiċċji.

Is-sorsi ta’ In-Nazzjon komplew jgħidulna li huma ma jifhmux kif f’dan ir-rebus kollu mbagħad qed ikun hemm abbużi mill-aktar serji fis-sahra. Fil-fatt attwalment għaddejjin tliet inkjesti dwar iċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi u waħda minnhom hi proprju dwar sahra fejn kien jingħad spiss li kien qed ikun hemm abbużi mill-aktar sfaċċati mingħajr ma jittieħdu passi.

Ħaddiema fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi qalu lil In-Nazzjon li l-persuna konċernata fit-tmexxija taċ-Ċentru l-ġimgħa l-oħra wriet bl-aktar mod ċar li flok moħħha biex tmexxi l-affarjiet sew, moħħha kien biss biex tissalvagwardja l-interessi tagħha issa li qed tara li ż-żejt tiela’ f’wiċċ l-ilma tant li għadd ta’ ħaddiema lesti li jixhdu bil-ġurament dwar dak li raw u semgħu… u ċerti istanzi bla dubju li għandhom iħammru wiċċ il-persuna konċernata għaliex ċerti affarijiet fil-post tax-xogħol qatt ma għandhom ikunu permessi.

L-istess sorsi temmew jgħidulna li s-sitwazzjoni fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Safi issa laħqet livelli mill-aktar serji u gravi u hu meħtieġ li l-Ministeru tal-Intern jieħu l-miżuri li għandu jieħu biex il-persuna li wasslet għal din id-deġenerazzjoni kollha titneħħa minnufih u tkun ipproċessata ħalli twieġeb għal għemilha waqt il-ħin tax-xogħol.

Ikkummenta