B’rabta mal-inċident li seħħ is-Sibt filgħaxija, fejn nar ħakem residenza f’Ħal Luqa, Joseph Theum, anzjan ta’ 71 sena sofra minn feriti f’wiċċu, filwaqt li anzjan ta’ 90 sena u anzjana ta’ 71 sena sofrew feriti ħfief kawża tad-dħaħen li belgħu. Huma għadhom rikoverati l-Isptar. Skont rapporti fil-media, in-nar beda waqt xogħol li kien qed isir fuq presepju.
Is-Sindku, f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa u l-Kappillan f’isem il-Parroċċa tal-lokal laħqu ftehim biex tkun tista’ ssir ġabra għall-familja Theuma wara l-inċident tas-Sibt li wassal biex ir-residenza tagħhom tinħakem minn nirien qawwija. Min huwa interessat li jagħti donazzjoni lil din il-familja huwa ġentilment mitlub jagħmel dan mal-Kappillan mil-lum.
U f’post fuq facebook, oħt Joseph Theuma, irringrazzjat lill-pulizija kollha, lill-ħaddiema tal-protezzjoni civili, tat-tifi tan-nar, tal-ambulanzi, tobba u nurses li għamlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira fit-traġedja li laqtet il-familja tagħhom. Hi rringrazzjat ukoll lill-Għaqda Banda Unjoni, lis-sindku u l-kappillan u l-poplu ta’ Hal Luqa li qegħdin juru solidarjetà kbira mal-familja.
//= $special ?>