Lokali

Mil-lum sal-aħħar tas-sena, in-nisa jaħdmu b’xejn

Filwaqt li s-settur finanzjarju u dak tal-assigurazzjoni huma responsabbli għall-akbar differenza fil-pagi bejn is-sessi, bħala medja, in-nisa f’Malta jitħallsu biss 89 ċenteżmu għal kull 100 ċenteżmi ta’ dak li jaqla’ raġel.

B’diskrepanza medja fil-pagi bejn is-sessi ta’ 11%, dan ifisser, li wara d-data tad-19 ta’ Novembru, in-nisa f’Malta teknikament se jkunu qed jaħdmu b’xejn sal-aħħar tas-sena.

Id-distakk fil-pagi bejn is-sessi huwa illegali. Għalhekk jistgħu jsiru bidliet żgħar biex in-nisa jkun jistghu jiehdu dak li fl-ahhar mill-ahhar dovut lilhom.

Għal din ir-raġuni, l-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza (A4E) qed tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jelimina id-distakk fil-pagi bejn is-sessi. Dan jista’ jsir billi tiġi indirizzata kultura ta’ segretezza fil-pakketti tal-paga biex b’hekk jiġi żgurat li jkun hemm aktar trasparenza.

Fi stqarrija, intqal illi hemm bżonn li jiġi żgurat li l-irġiel jaqsmu r-responsabbiltajiet tagħhom bl-istess mod mal-kollegi tagħhom. Ix-xogħol flessibbli għandu jkun disponibbli għal kulħadd u b’hekk jiġu mħeġġa aktar irġiel sabiex jużawh.

Fl-aħħar nett il-Gvern gie imheggeg biex issir ħidma sabiex jigu ndirizzati dawn il-kwistjonijiet importanti u titnaqqas din id-diskrepanza fil-pagi ta’ bejn raġel u mara.