Lokali Parlament

Proposti għat-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem għaliex diversi proposti li ressaq, u li huma intiżi biex isaħħu lill-Kunsilli Lokali, ma ġewx kunsidrati mill-Gvern fir-riforma għall-Kunsilli Lokali.

Dan ħareġ waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali u li għaliha, f’isem il-Partit Nazzjonalista attendew il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, li kien akkumpanjat ukoll minn Charles Bonello, bħala d-Direttur responsabbli tal-Kunsilli Lokali, u Samuel Azzoardi, President tar-Reġjun ta’ Għawdex.

Fil-preżenza tal-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis fost oħrajn, Robert Cutajar elenka uħud minn fost 80 proposta li saru mill-Oppożizzjoni u li huma mniżżla f’dokument li tħejja apposta.

Fost il-proposti mixtieqa mill-Partit Nazzjonalista hemm li r-reġjuni ma jintużawx biex titnaqqas il-ħidma tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll li jsir studju dwar l-impatt soċjali qabel tittieħed xi deċiżjoni li taffettwa l-lokalitajiet.

Proposti oħra jinkludu iktar responsabbiltajiet lis-sindki, li ma jitneħħewx il-poteri tal-Kunsilli dwar liem toroq fil-lokalitajiet għandhom isiru, żieda tal-Pulizija fil-komunità kif ukoll il-ħarsien tal-annimali anke fuq livell ta’ Kunsilli Lokali.

Robert Cutajar qal ukol lli l-Oppożizzjoni ma tistax tifhem għala proposti bħal perżempju li parti mill-VAT mill-entitajiet kummerċjali fil-lokalitajiet, jew mit-taxxa ta’ kull lejl li jħallsu t-turisti m’għandhiex tibqa’ għand il-Kunsilli Lokali biex jintużaw għall-ġid tal-lokalitajiet rispettivi.