Sport Waterpolo

Sliema ASC iġeddu l-kuntratt tal-kowċ Sergio Afric b’sentejn

Sliema komplew bil-ħidma tagħhom biex ikollhom l-aħjar skwadra possibbli u jirritornaw fuq it-tron tal-waterpolo lokali. Huma ħabbru li ġeddew b’sentejn il-kuntratt ta’ Sergio Afric, f’dik li hi t-tielet esperjenza tiegħu mal-klabb.

Afric hu isem sinonimu mal-Waterpolo lokali hekk kif għajr esperjenza qasira fil-Peru, hu ilu kowċ f’Malta aktar minn 20 sena, fejn minbarra Sliema, mexxa lil San Ġiljan u Sirens darbtejn, Neptunes kif ukoll kien kowċ mat-tim nazzjonali Malti.

Wara esperjenza mat-tim nazzjonali tal-Perù, is-sena l-oħra, Afric kien irritorna f’Malta ma’ Sirens fejn mexxa lit-tim minn San Pawl il-Baħar għat-tielet post għall-ewwel darba mill-2008. Afric tħabbar kowċ ta’ Sliema f’Settembru tas-sena l-oħra u taħt it-tmexxija ta’ Afric din is-sena, Sliema spiċċaw it-tieni fil-kampjonat tax-xitwa u kienu eliminati fis-semifinali tal-play-offs tal-kampjonat tas-sajf.

Ma’ Sliema, Afric kellu suċċess kbir. L-ewwel esperjenza tiegħu ma’ Sliema kienet bejn l-2001 u l-2004, bil-kowċ Kroat jirbaħ erba’ kampjonati konsekuttivi u darba n-knock-out. Imbagħad, Afric reġa’ kien ma’ Sliema bejn l-2009 u l-2012 fejn rebaħ darbtejn in-knock-out u darba l-kampjonat, li ironikament hu l-aħħar kampjonat li Sliema rebħu.

Dan it-tiġdid tal-kuntratt isegwi dak ta’ ftit jiem ilu hekk kif is-Slimiżi ġeddew il-kuntratt tas-centre Jerome Gabarretta b’erba’ snin oħra. Sliema diġà ħabbru l-akkwist ta’ erba’ plejers għas-sena li ġejja. Huma akkwistaw sa issa liż-żagħżugħ Jacob Sciberras mingħand Sirens, lill-gowlkiper Joey Parnis li din is-sena kien riserva ma’ Neptunes u l-Ungeriż Norbert Hosnyánszky u s-Serb Boris Vapenski bħala l-barranin tagħhom.