Hulusi Akar, il-Ministru tad-Difiża Tork, kien kwotat li qal li l-qattiela tal-ġurnalist mill-Arabja Sawdija Jamal Khashoggi, aktarx ħarġu l-katavru mbiċċer tiegħu mit-Turkija.
Khashoggi kien inqatel fil-konsolat tal-Arabja Sawdija fit-2 ta’ Ottubru bis-swaba’ jippuntaw lejn il-Prinċep ereditarju tal-Arabja Sawdija, Mohammed bin Salman, bħala s-suspettat ewlieni li ħareġ l-ordni. Issa l-Arabja Sawdija ammettiet li Khashoggi nqatel wara li negozjati fil-konsolat biex imur lura pajjiżu kienu marru ħażin.
Waqt konferenza internazzjonali f’Halifax fil-Kanada, Akar qal li hemm possibbiltà li l-qattiela ħarġu b’partijiet mill-katavru madwar erba’ sigħat wara l-qtil. Dan mingħajr ebda xkiel peress li kellhom passaporti diplomatiċi.
It-Turkija qed issostni li grupp ta’ 15-il raġel kienu involuti fil-qtil ta’ Khashoggi u fosthom tnejn li marru biex inaddfu x-xena tad-delitt. X’sar mill-katavru ta’ Khashoggi mhux magħruf.
Il-Ħamis li għadda, il-prosekutur pubbliku tal-Arabja Sawdija ħabbar li l-katavru kien safa’ mqatta’ f’diversi biċċiet u mogħti lil xi ħadd minn tal-post fit-Turkija biex jeħles minnu.
Sadanittant il-President Amerikan Donald Trump, fi tmiem il-ġimgħa qal li rapport tas-CIA li jagħti t-tort lil Prinċep Mohammed għall-qtil kien ‘prematur’ u kien se jingħata r-rapport sħiħ dwar x’ġara għada t-Tlieta.
//= $special ?>

