Internazzjonali

Tkompli tmajna l-popolarita ta’ Macron

Emmanuel Macron

Il-popolarità tal-President Franċiż Emmanuel Macron kompliet tmajna biex issa niżlet għal 25 fil-mija skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li ħareġ ilbieraħ.

L-istħarriġ mill-Ifop kien ippubblikat fil-Journal du Dimanche, ġurnata wara protesti kbar fi Franza minħabba l-prezz tal-fuel u li ħafna analisti qalu kien xempju tal-frustrazzjoni fil-pajjiż għat-tmexxija ta’ Macron.

L-istħarriġ kellu tnaqqis ta’ erba’ punti perċentwali mix-xahar ta’ qabel u kien hemm biss erbgħa fil-mija tal-elettorat li qal li kien kuntent ħafna bit-tmexxija ta’ Macron dan filwaqt li 21 fil-mija kienu sodisfatti ħafna.

Kien hemm 34 fil-mija li kienu mdejqa filwaqt li 39 fil-mija kienu mdejqa ħafna.

L-istħarriġ kompla jsaħħaħ tendenza li hemm fi Franza fejn l-elettorat malajr idur kontra min jiġi elett President. Xi ħaġa li ġrat anki lill-predeċessuri ta’ Macron: Francois Hollande u Nicolas Sarkozy.
Minkejja dan, meta wieħed iqis l-istess perjodu ta’ żmien ta’ tmexxija ta’ Hollande, kienu 20 fil-mija li kienu favur it-tmexxija tiegħu u 44 fil-mija għal Sarkozy.

Fi tmiem il-ġimgħa fi Franza kien hemm protesti kbar kontra l-prezz għoli tal-fuel fil-pajjiż. Protesti li fihom persuna tilfet ħajjitha u madwar 200 oħra ndarbu fl-inkwiet li kien hemm.