Il-plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri reġa’ ħalla l-marka tiegħu f’logħba oħra ta’ Roma Nuoto mill-Kampjonat Taljan A1meta skorja r-raba’ tripletta mill-erba’ logħbiet li lagħab sa issa.
B’dawn it-tliet gowls, Camilleri jinsab mal-aqwa għaxra fil-klassifika tal-aqwa skorers bi 12-il gowl. L-aqwa skorer fil-preżent hu Stefano Luongo ta’ BPM Sport Managment bi 17-il gowl, plejer li din is-sena lagħab ftit logħbiet f’pajjiżna ma’ Marsaxlokk. Fit-tielet post jinsab l-eks Sirens u Sliema Christian Presciutti ta’ Brescia li skorja 14-il gowl.
Roma Nuoto rebħu 11-8 kontra Canottieri Napoli, u din it-tielet rebħa konsekuttiva tfisser li huma telgħu b’disa’ punti fil-klassifika daqs Florentia, Iren Quinto, Trieste u Savona, u jinsabu tliet punti taħt BPM Sport Management li jinsabu fir-raba’ post.
Partita tajba fid-difiża għal Roma li wasslu biex Canottieri Napoli skorjaw biss man-up minn tmienja. Fuq in-naħa l-oħra, Roma skorjaw f’ħames okkażjonijiet minn seba’ man-ups. Fil-partita lagħab ukoll Jordan Camilleri li kellu prestazzjoni pożittiva iżda spiċċa l-logħba qabel wara li għamel it-tielet fawl.
Stevie Camilleri skorja l-ewwel gowl tiegħu fit-tieni sessjoni meta poġġa lil Roma 5-4 minn fuq b’xutt minn pożizzjoni ċentrali f’okkażjoni ta’ man-up. Camilleri għamilhom 8-8 fit-tielet sessjoni meta rċieva mil-lemin u skorja b’xutt preċiż u b’saħħtu għar-rokna leminija.
Dan il-gowl kien importanti għal Roma hekk kif wassal biex permezz taż-żagħżugħ Francesco Faraglia bdew l-aħħar sessjoni 9-8 minn fuq. Kien Stevie Camilleri li spiċċa biex witta t-triq għar-rebħa tat-tim tiegħu meta għamilhom 10-8 b’xutt mix-xellug wara fawl li sar fuqu stess.
Il-logħba li jmiss ta’ Roma Nuoto hi s-Sibt li ġej kontra RN Florentia, tim li ġej minn rebħa kontra Posillipo u bħalhom jinsab b’disa’ punti fil-klassifika.
//= $special ?>